Lokali Parlament

Li jgħodd mhux riformi fuq il-karta, imma ġustizzja fil-prattika

Meta kien qed jitkellem fil-ħin tal-aġġornament id-Deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li f’Jannar tkellem dwar ir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja. Fi Frar tkellem dwar ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rule Of Law (dan se jiġi addottat il-Ħamis, 28 ta’ Marzu 2019).

Tenna li issa imma xahar biss wara, diġa għandna diversi rapporti oħra. Rapport mill-IMF, rapport mill-Kummissjoni Ewropea, rapport ieħor mill-Parlament Ewropew dwar is-sistema ta’ taxxa, rapport mill-GRECO – u staqsa jekk hux se jingħata l-kunsens biex jiġi pubblikat,  u qal li għanda qed nistennew ir-rapport tal-MONEYVAL)

Simon Busuttil sostna li f’ġieh is-serjeta’, dawn ma nkitbux minħabba il-Partit Nazzjonalista. Veru li dak li qed jgħidu huwa l-istess li ilu jingħad mill-Partit Nazzjonalista, imma waslu għalih waħedhom.

Allura il-mistoqsija tqum: kemm-il rapport isir jinkiteb biex il-Gvern jirrealizza xi ħsara kbira qed jagħmel lil isem pajjiżna?  La darba ma semgħu minn ħadd, bdiet il-pressjoni minn barra, inkluż mill-UE, mill-Kunsill tal-Ewropa u mill-IMF.   

Il-kelliem qal li u issa li l-morsa bdiet tagħfas, beda l-paniku għar-riformi … u bla mistenni, bħal sajjetta fil-bnazzi, tħabbru lista ta’ riformi. L-ewwel permezz ta’ ittra lill-Kummissjoni Ewropea fil-21 ta’ Marzu.  Imbagħad permezz ta’ stqarrija jumejn ilu.  

Imma dawn ir-riformi huma kastell mibni fuq ir-ramel għax mhux imsawwra fuq intenzjoni tajba, mhux qed isiru b’intenzjoni tajba, in good faith jew in bona fede, imma b’intenzjoni li jidhru li qed jagħmlu xi ħaġa. Min fejn joħroġ li l-intenzjoni tal-Gvern mhix ġenwina?

Busuttil qal li għax il-problemi nħolqu mill-Gvern u mhux mill-istituzzjonijiet li sabu – is-sistema hemm kienet fi żmien Gvern Nazzjonalista fejn ma kellniex dawn it-tip ta’ problemi.

Għax ir-riformi li saru s’issa kienu paraventu, riformi taparsi. U kollox allura jindika li anki issa, l-intenzjoni mhix ġenwina. Għax dak li se jsir illum ma sarx meta tlabniħ aħna il-Maltin – aħna ilna ninsistu għal dan mill-aħħar tal-2015 – imma għax qed issir pressjoni minn barra.

Issa qamu għax il-morsa qed tagħfas. Id-Deputat Nazzjonalista qal li għax ir-riformi li jistgħu jsiru minnufih ma jridux jagħmluhom. Fost l-eżempji, staqsa għaliex għadhom ma neħħewx l-MPs appuntati fuq Bordijiet talGvern?  Għax ir-riformi li jiżguraw l-indipendenza tal-ġudikatura mhux se jisru qabel jimlew il-Qorti bl-Imħallfin u Maġistrati li jagħżlu huma.

U fuq kollox, għax il-fus tal-problema – li l-Prim Ministru għandu nies fl-uffiċċju tiegħu stess imċappsin bil-korruzzjoni.  U sal-ġurnata ta’ llum għadhom jopponu li tinbeda investigazzjoni.

Simon Busutil wissa lill-Gvern li “qabel ma tieħdu passi fuq il-korruzzjoni ħadd mhu se jemmen li veru tridu tbiddlu r-rotta.”. Fl-intervent tiegħu il-kelliem wera li r-riformi se jsiru mhux għax il-Gvern jemmen fihom, lanqas għaliex il-PN ilu jinsisti li jsiru, imma għax qed issir pressjoni minn barra – turija ta’ Gvern dahru mal-ħajt li wasal f’punt fejn ma jistax jibqa’ ma jagħmel xejn.

Ir-riformi mhumiex ġenwini iżda paraventu biex taparsi qed jagħmlu xi ħaġa – li jgħodd mhux li r-riformi jsiru fuq il-karta, imma li ssir il-ġustizzja fil-prattika. U l-ġustizzja fil-prattika ma jriduhix issir għax jekk issir il-ġustizzja jaqgħu kollha.

Il-Prim Ministru iħobb jiftaħar li jmexxi Gvern riformista. Tajjeb li tkun riformista, imma mhux biżżejjed. Qabel kollox trid tkun onest u nadif. U l-Gvern li għandna la huwa onest u lanqas nadif.