Futbol Sport

Lucas Hernandez ma’ Bayern Munich mill-istaġun li ġej għal somma rekord tal-klabb

Id-difensur Lucas Hernandez se jkun qed jilgħab f’kampjonat ġdid l-istaġun li ġej hekk kif tħabbar li se jingħaqad ma’ Bayern Munich mingħand Atletico Madrid għas-somma ta’ €80 miljun li hi rekord tal-klabb.

Hernandez li għandu 23 sena, se jingħaqad maċ-champions Ġermaniżi mill-1 ta’ Lulju li ġej fuq kuntratt ta’ ħames snin. Hu kien regolari fis-suċċess ta’ Franza fit-Tazza tad-Dinja fis-sajf li għadda. Hernandez irid jagħmel operazzjoni fuq l-irkoppa leminija wara li kien żvelata problema fil-ligament waqt l-eżami mediku.

Id-difensur xellugi tela’ mill-akkademja ta’ Atletico fl-2014 u lagħab 67 logħba mal-klabb Spanjol u 15-il logħba mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu. Id-Direttur Sportiv ta’ Bayern Munich Hasan Salihamidzic qal li l-akkwist ta’ Hernandez se jkompli jsaħħa it-tradizzjoni ta’ plejers Franċiżi mill-aqwa.

Din is-somma tikser it-trasferiment rekord ta’ Corentin Tolisso mingħand Olympique Lyon fl-2017 u l-potenzjal trasferiment ta’ James Rodriguez mingħand Real Madrid jekk il-Ġermaniżi jeżerċitaw id-dritt li jakkwistaw il-plejer.

Hernandez qal li Atletico Madrid dejjem se jkunu parti minnu iżda issa jinsab kuntent li se jieħu l-pass li jmiss fil-karriera ma’ Bayern Munich.