Lokali

Malta lejn l-aħħar fir-riċerka u l-iżvilupp; pajjiżna mwissi mill-Professur Peter McKiernan

“Kontu timmaġinaw li se taraw lil Malta fil-qiegħ tal-lista tal-pajjiżi li l-inqas li jonfqu fuq ir-riċerka u l-iżvilupp?”

Hi din it-twissija tal-Professur Peter McKiernan, mill-Università ta’ Strathclyde tal-Iskozja, li kien wieħed mill-mistiedna speċjali ta’ konferenza dwar l-Istat tal-Ekonomija Maltija organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ.

Hu kien qed jikkwota statistika tal-Eurostat li turi kif pajjiżna jinsab it-tielet mill-aħħar fir-riċerka u l-iżvilupp fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll wieħed minn tmienja biss li jonfqu inqas minn 1% tal-GDP fir-riċerka u l-iżvilupp.

Il-Professur Skoċċiż irrimarka li pajjiżna jrid jara kif se jkun innovattiv biex ikompli javvanza ‘l quddiem u jegħleb l-isfidi li jista’ jaffaċċja fl-ekonomija tiegħu. Qal dan b’mod speċjali meta kien qed janalizza numru ta’ rapporti li ħarġu fl-aħħar jiem dwar pajjiżna.

Innota kif pajjiżna s’issa qed iħares biss lejn l-immedjat b’numru ta’ miżuri, fost oħrajn bil-bini bla rażan tant li qal li meta ħares lejn Tas-Sliema tant ra bini u krejnijiet li ħassu qisu qed iħares lejn il-waterfront ta’ Beirut.

Dan apparti li, waqt li nnota li sema’ li pajjiżna qed jaffaċċja kritika u sfidi dwar il-ħasil tal-flus, irrimarka li spiċċajna nbiegħu l-passaporti biex il-Gvern idaħħal il-flus, waqt li qed jaffaċċja vulnerabbiltà fl-istrutturi tiegħu.

It-twissijiet tal-Professur McKiernan jixhdu t-tħassib rifless kemm fil-Rapport Ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll tal-Fond Monetarju Internazzjonali li fost oħrajn tħassib dwar il-bejgħ tal-passaporti, l-iskandli ta’ ħasil ta’ flus, in-nuqqas ta’ indipendenza fl-MFSA, u l-isplużjoni fil-prezz tal-proprjetà.