L-għada li l-Parlament Ewropew ivvota b’mod deċiżiv biex iniżżel lil Malta fost il-lista ta’ pajjiżi ttimbrati bħala tax havens, il-Prim Ministru Joseph Muscat serraħħ moħħ kulħadd għaliex qal li i r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea ma tkellimx biss dwar Malta.
Muscat għadda dawn ir-rimarki meta dalgħodu kien qed jindirizza konferenza organizzata mill-Kamra tal-Kummerċ.
Il-vot li ttieħed fuq rapport tal-kumitat Tax3, jipponta lejn pajjiżna u oħrajn b’diversi akkużi u punti ta’ tħassib dwar reati finanzjarji, u evażjoni tat-taxxa. Rapport li jinnota kif pajjiżna għandu ammont qawwi ta’ nvestiment dirett barrani li jista’ jkun spjegat bħala suspettuż.
Iżda fejn tidħol il-liġi ta’ tassazzjoni, l-MEPs tal-PN ivvutaw favur Malta u ddefendew isem Malta. Dan sabiex pajjiżna jibqa’ jgawdi il-vantaġġi fiskali li joffri.
Sadatant, ftit tax-xhur biss wara li isem pajjiżna spiċċa mċappas madwar id-dinja minħabba l-każ tal-Bank Pilatus, li s-sid tiegħu jinsab arrestat fl-Istati Uniti fost oħrajn fuq akkużi ta’ ħasil tal-flus, il-Prim Ministru esprima sodisfazzjon li għallinqas Malta ma tissemmiex fil-headlines madwar id-dinja.
Fl-aħħar xhur kellna wkoll il-każ tas-Satabank, li wkoll ingħalaq u wkoll ħammeġ isem pajjiżna mad-dinja meta fih instabu miljuni ta’ flus marbuta mat-traffikar illegali u internazzjonali tal-fjuwil.