Malta hemm ċans li jkollha qaddis ieħor. Dan hekk kif nhar il-Ħadd li ġej, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, se jintroduċi l-Kawża għall-Beatifikazzjoni ta’ Brother Louis Camilleri, fejn b’digriet jiddikjarah ‘Serv ta’ Alla’. Iċ-ċerimonja se ssir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fil-11 ta’ filgħodu.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Brothers tad-De La Salle ngħtat informazzjoni dwar il-ħajja ta’ Brother Louis, li miet fl-2011 fl-età ta’ 87. Hu ddedika ħajtu għall-edukazzjoni Kattolika bħala Brother ta’ De La Salle. Bother Louis twieled f’familja umli ta’ ħaddiema fiż-Żurrieq u kien it-tieni minn 11-il tifel u tifla. Ta’ età żgħira sofra persekuzzjoni fi Franza waqt li attenda n-novizzjat tiegħu waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.
Meta ġie lura Malta, fis-snin bikrija ta’ wara l-gwerra, Bro. Louis iddedika ħajtu jgħallem l-apprentisti tat-Tarzna, li kienu jattendu l-Kulleġġ De La Salle fil-Kottonera, u minn hemm daħal fit-tmexxija fuq medda ta’ snin twal fil-Kulleġġ De La Salle. Bro. Louis huwa magħruf minn ġenerazzjonijiet ta’ għalliema, ġenituri u studenti, li ġew f’kuntatt miegħu u kien ta’ influwenza fuqhom kemm mill-għadd akkademiku u fuq livell spiritwali.
Il-Postulatur Ġenerali tal-Kongregazzjoni tal-Iskejjel Insara qiegħed imexxi l-Kawża għall-Beatifikazzjoni ta’ Bro. Louis. Dan hu l-ewwel pass li jsir fuq livell Djoċeżan. Hekk kif dan il-pass fid-Djoċesi ta’ Malta eventwalment jitlesta, ikun imiss li l-Kawża tissokta fil-Kongegazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin, f’Ruma.
Għal dawn l-aħħar tlett snin tim ta’ membri dedikati, ħbieb tal-Brothers, iltaqgħu regolarment biex jiġbru xhieda importanti sabiex il-kawża tiegħu tista’ timxi ’l quddiem fis-snin li ġejjin.
//= $special ?>