Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Għaqda tal-Malti – Università se jorganizzaw is-sitt edizzjoni tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus (FKK), li se ssir mil-lum sal-Ġimgħa. Il-Festival jibda fid-9am kuljum b’attività wara oħra sal-4pm. Il-Ġimgħa l-attivitajiet se jkomplu sa tard filgħaxija.
L-għan ta’ dan il-Festival hu li jippromwovi l-letteratura filwaqt li jagħti spazju lill-pubblikaturi u d-distributuri tal-kotba biex jiltaqgħu, jippromwovu u jbigħu l-pubblikazzjonijiet tagħhom ma’ udjenza matura bħall-istudenti universitarji. Il-Festival se jkun mimli b’attivitajiet li jvarjaw minn workshops u films marbuta mal-letteratura, sa qari u intervisti ma’ awturi, pitturi, illustraturi, kif ukoll diskussjonijiet dwar il-lingwa, dawriet iggwidati mal-Bibljoteka tal-Università, mużika lokali u għadd ta’ kollaborazzjonijiet ma’ għaqdiet.
Il-mistieden speċjali tal-Festival għal dis-sena huwa l-poeta, kritiku letterarju u traduttur Brittaniku Rod Mengham, li l-aħħar ktieb tiegħu Grimspound and Inhabiting Art jista’ jitqies kemm bħala meditazzjoni poetika dwar lok (Grimspound – sit ta’ Żmien il-Bronż li jinsab f’Dartmoor), kif ukoll bħala ġabra ta’ esejs dwar inħawi kulturali. Rod ikun fuq il-Kampus tal-Università għal attivitajiet speċjali waqt kull jum tal-festival.
Ma tonqosx il-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ letturi u anki kittieba sinonimi mal-lingwa Maltija u l-Università ta’ Malta, fosthom Oliver Friggieri, Bernard Micallef, Olvin Vella u George Farrugia. Fost oħrajn se jkun hemm intervista ma’ Oliver Friggieri dwar il-karriera tiegħu u dwar il-kotba awtobijografiċi tiegħu li fihom jirrakonta tfulitu fil-Floriana.
//= $special ?>