Attivisti tal-Grupp Graffitti dalgħodu kkampjati fit-triq li tagħti aċċess għall-bini tal-Awtorita’ tal-Ippjanar fil-Furjana. Kif jixhed dan ir-ritratt, l-attivisti qed jimblukkaw l-aċċess għall-bini tal-Awtorita’ bi protesta kontra n-nuqqas tal-Awtorita’ tal-Ippjanar milli tħares iż-żoni barra l-iżvilupp (ODZ).
Nhar it-Tnejn, il-Moviment Graffitti qal illi lest li jwettaq aktar azzjonijiet diretti kontra l-imġieba skandaluża tal-Awtorita’ tal-Ippjanar jekk il-Fuel Service Station Policy riveduta – waħda li tipprojbixxi pompi tal-petrol fl-ODZ – ma tiġix ippubblikata immedjatament.
Fi stqarrija, il-Graffiti kienu ċari fil-pożizzjoni tagħhom. “Aħna ppruvajna minn kollox – emails, artikli, protesti, konferenzi stampa – biex inġiegħlu lill-PA tirrevedi policy li l-awtoritajiet infushom jirrikonoxxu bħala dannuża, imma kien kollu għalxejn. Dan ma jħallielna l-ebda għażla oħra ħlief li nirrikorru għal aktar azzjonijiet diretti”.
Għall-ħabta tal-10.00, l-attivisti indirizzaw konferenza stampa fejn qalu li l-Awtoritá tal-Ippjanar qegħda tassedja lil Malta b’ħafna żvilupp bla sens u qegħda intenzjonalment tkaxkar saqajha biex tirrevedi l-policy dwar il-pompi tal-petrol fuq ODZ.
L-attivisti qalu li minkejja il-wegħdi kontinwi mill-Ministru Ian Borg u miċ-Chairman Eżekuttiv li l-policy riveduti se tiġi ppubblikata b’mod imminenti, għaddew ix-xhur u baqa ma ġie ppubblikat xejn. Intant però, baqgħu jiġu sottomessi applikazzjoni ġodda għal aktar pompi tal-petrol f’żoni ODZ.
L-assedju simboliku qed jirriflettu l-assedju tal-Awtorità bi żvilupp li ma jagħmilx sens. Huma qalu li l-imġieba tal-Awtorità tal-Ippjanar hija skandaluża u inaċċettabbli.
Il-Moviment Graffiti qed jagħmel tlett talbiet speċifiċi, jiġifieri li tinbidel il-policy dwar il-pompi tal-petrol biex jifġi pprojbit pompi ġodda jew rilokati fuq art ODZ, li tiġi ppubblikata il-policy riveduta dwar dawn il-pompi għal konsultazzjoni minnufih u li jiġi pprovdut qafas ta’ żmien qasir għall-implimentazzjoni tal-policy riveduta wara l-perjodu ta’ konsultazzjoni.
//= $special ?>