Edukazzjoni Lokali

L-MUT bi proposti kontra l-kriżi fil-professjoni tal-għalliema

Fin-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern, l-Union tal-Għalliema (MUT) ressqet għadd ta’ proposti biex tkun indirizzata l-kriżi ta’ nuqqas ta’ għalliema.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-MUT Marco Bonnici spjega li bil-proposti tagħha, il-Union trid tenfasizza l-ħtieġa li tkun indirizzata din il-kriżi, li dejjem qed tkompli tikber.

Bil-Gvern Socjalista stinat fuq iż-żieda tal-barranin f’pajjiżna bhala s-soluzzjoni għal kull problema, Marco Bonnici qal li l-influss tal-barranin qed iżżid mal-kriżi għax qed tikkawża żieda qawwija fil-popolazzjoni tal-istudenti.

Il-President tal-MUT kompla li dawn il-proposti se jitressqu lill-Gvern, bit-tama li dawn jintlaqgħu mill-aktar fis. Dan hekk kif l-Union hi konxja li proposti oħrajn damu ma bdew jintlaqgħu.

Filwaqt li nnota kif il-kampanji ta’ promozzjoni li qed jagħmel il-Gvern huma xotti wisq jew ma jeżistux, Marco Bonnici tenna l-impenn tal-Union bi proposti li jħarsu fit-tul.

Fost l-oħrajn, l-MUT qed tipproponi aktar għarfien dwar korsijiet li jwasslu lill-istudenti jagħżlu din il-professjoni, kif ukoll inċentivi għall-istudenti b’titjib fl-istipendji u inċentivi fiskali jekk jagħżlu korsijiet li jwasslu għall-professjoni tal-għalliema.

L-MUT nnotat b’diżappunt kif għadd ta’ korsijiet illum qed ibatu minn restrizzjoni fl-ammont ta’ studenti li jilqgħu. Min-naħa l-oħra, qalet li dawn il-korsijiet għandhom jilqgħu aktar studenti, billi jekk hemm bżonn, il-korsijet isiru filgħaxija.

L-Union tal-Għalliema qed tipproponi wkoll awditjar minn organizzazzjoni indipendenti biex ikunu stabbiliti l-fatturi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, li qed iwasslu biex l-Edukaturi jħallu l-professjoni.

Min-naħa l-oħra, dawk li jlaħħqu l-età tal-irtirar u jkunu jridu jibqgħu jagħtu servizz, għandhom ikunu inċentivati. Fl-istess waqt, dawk li jkunu qabżu l-età statutorja tal-irtirar ma jiġux sfurzati b’paga anqas minn kemm kienu jirċievu qabel l-irtirar.