Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Casa jfaħħar id-deċiżjoni tat-Turkija li jaqgħu l-akkużi kontra Pelin Ünker fil-każ ta’ Erdogan

“Għandhom jaqgħu wkoll l-akkużi li baqa’” – Casa

David Casa laqa’ d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Torok li jaqgħu l-akkużi kontra l-ġurnalista investigattiva Pelin Ünker f’wieħed mill-każijiet li qed tiffaċċja.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal: “L-akkużi kontra Ünker waqgħu fil-każ dwar ir-rappurtaġġ tagħha fuq ir-raġel tat-tifla tal-President Erdogan. Madanakollu, hi għadha qed tiffaċċja sentenza ta’ 13-il xahar fuq każ dwar serje ta’ artikli li jinvolvu qraba tal-Ispeaker tal-Kamra Binali Yilidirim.”

L-akkużi ġew ikkundannati mill-MEPS u deskritti bħala daqqa għal dak li baqa’ mill-libertà tal-midja fit-Turkija. L-MEP David Casa ilu xhur jikkampanja għal Ünker u ddeskriva l-atti kontra l-ġurnalista bħala krudili u intollerabbli.

Casa qal: “Meta niddefendu lill-ġurnalisti u nissalvagwardjaw il-libertà tal-midja, nistgħu nkunu effettivi fil-ġlieda kontra l-inġustizzja. Hu dmirna li nagħmlu dan. Baqa’ ħafna xogħol xi jsir. Dalgħodu, MEPs minn gruppi politiċi differenti fil-Parlament Ewropew talbu biex jaqgħu l-akku#i kkontra l-ġurnalista investigattiva Pelin Ünker. L-akkużi saru kontra l-ġurnalista wara li rrappurtat fatti mill-Paradise Papers. Dawk li ressqu dawn l-akkużi rrikonoxxew li dak irrappurtat hu veru.

Fi Frar, Casa żar lil Ünker f’Istanbul, fejn iltaqa’ mat-tim legali tagħha. Pelin Ünker żaret Malta ġimgħatejn ilu bħala mistiedna tal-MEP David Casa. Matul iż-żjara, li ltaqgħet ma’ attivisti u ġurnalisti u qasmu flimkien l-esperjenzi tagħhom fuq l-isfidi internazzjonali dejjem jikbru tal-libertà tal-midja. Ünker indirizzat ukoll il-vġili ta’ Daphne Caruana Galizia.