Ambjent Lokali

Flimkien għal Ambjent Aħjar jikkundannaw l-estensjoni tal-AUM

L-għaqda ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar ikkundannaw b’mod skjett l-estensjoni proposta mill-American University of Malta fil-qalba tal-Kottonera.

Fl-applikazzjoni hemm proposti tlett blokki ta’ ħames sulari-il wieħed li ser jibilgħu l-ftit spazju li fadal f’baċir numru 1 filwaqt li ġew proposti wkoll alterazzjonijiet estensivi fil-binja li nbniet fi żmien il-Kavallieri.

L-għaqda saħqet li ġaladarba l-proposta tidħol fis-seħħ mhux ser jifdal spazju miftuħ f’dan il-baċir u sussegwentament din l-ixtajta ser tiġi dominata mill-kampus tal-Università.

Il-Perit Tara Cassar saħqet li din l-ixtajta storika għandha tiġi mħarsa bħala wirt pubbliku li żżewwaq il-lokalità bil-valuri, identità u serħan mill- urbanizzazzjoni li jikkaratterizza t-Tlett Ibliet. Hija sostniet li dan l-ispazju huwa essenzjali li jiġi protett.

Flimkien għal Ambjent Aħjar insistew li dawn l-ispazji pubbliċi m’għandhom qatt jingħataw lill-privat kif ġieb u laħaq.

L-għaqda sostniet li biex tgħaxxaqha l-iżviluppaturi jridu jordmu parti kbira mill-binja tal-Kavallieri sabiex jakkomodaw l-kampus privat. Huma saħqu li din il-binja għandha valur storiku uniku u għaldaqstant għandha tiġi restawrata u sempliċiment tinqered. Sostnew li dan huwa detriment dirett għall-wirt kulturali Malti.

Dan kollu filwaqt li avżaw li din il-proposta hija ta’ theddida għall-veduta madwar il-Bieb tal-Isla u s-swar – zona li għandha tiġi mħarsa b’attenzjoni liema bħala.

L-għaqda kkonkludiet li din l-applikazzjoni hija xempju ta’ proposta li jekk tiġi aċċettata jkollha impatt dirett fuq il-pubbliku u z-zona tal-Kottonera. Għaldaqstant, il-qerda ta’ binjiet storiċi u t-teħid tal-ispazji pubbliċi m’għandhomx jiġu aċċettati mill-Awtorità tal-Ippjanar.