Lokali

Il-Gvern idaħħal Malta l-bastiment maħtuf; arrestati 5 persuni

Kmieni dalgħodu ddaħħal Malta l-bastiment li kien inħataf minn grupp ta’ immigranti ‘l barra mill-kosta Libjana. Dan wara li l-iSpecial Operations Unit tal-Forzi Armati ta’ Malta ħa l-kontroll tal-bastiment li jġib l-isem Elhiblu 1.

Stqarrija tal-Forzi Armati ta’ Malta qalet li sar kuntatt mal-bastiment meta kien madwar 30 mil nawtiku ‘il barra mill-kosta Maltija waqt li kien qed ibaħħar lejn pajjizna. Il-Kaptan stqarr li ma kellux kontroll tal-bastiment u li hu u l-ekwipaġġ kienu mhedda mill-immigranti abbord biex ibaħħar lejn Malta.

Il-patrol boat P21 tal-Forzi Armati waqqaf lit-tanker milli jidħol fl-ibħra territorjali Maltin. Kien hawnhekk li ntervjena il-unit speċjali li tela’ fuq il-vapur u permezz ta’ dan l-intervent, il-kontroll tal-bastiment reġa’ ngħata f’idejn il-Kaptan.

L-Operazzjoni tal-Forzi Armati kienet appoġġjata bi tliet bastimenti oħra, fosthom il-patrol boat P51 u helikopter.

Il-patrol P21 eskortat lit-tanker fi triqtu lejn Malta fejn il-bastiment, l-ekwipaġġ u l-immigranti kollha nżammu mill-Pulizija għall-istħarriġ. Ħamsa minnhom ittieħdu mill-post permezz ta’ vettura tal-ħabs.

Madwar 108 immigranti ilbieraħ inġabru mit-tanker Elhiblu 1 iżda meta kienu madwar 6 mili ‘il barra mill-kosta Libjana, l-immigranti allegatament ħatfu l-bastimenti u ġiegħlu lill-Kaptan idawwar ir-rotta lejn Malta.

Abbord ma’ dan il-grupp kien hemm ukoll mara tqila u tarbija. It-tnejn ittieħdu l-isptar Mater Dei fejn qed jiġu assistiti.