Lokali

“Il-liġi għandha tkun ugwali għal kulħadd” – Lawrence Grech

“Il-Liġi għandha tkun ugwali għal kulħadd”. Din kienet waħda mill-istqarrijiet ta’ Lawrence Grech, ex editur tal-ġurnal The Sunday Times meta kien mistieden fil-programm ta’ Frank Psaila fuq Net TV Iswed fuq l-Abjad, fejn ġiet diskussa r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, fid-dawl tar-rapport Moneyval.

L-ex editur qal li fis-settur finanzjarju kelna qafas mibni tajjeb ħafna, iżda kien hemm inċidenti li seħħew fl-aħħar 5 jew 6 snin li nawru r-reputazzjoni ta’ Malta. Hu qal li m’hemmx rieda politika biex il-liġi tiġi applikata fuq persuni influenti jew fuq ministri. Xi ħaġa li qed tħalli effetti anke fuq investimenti futuri.

Lawrence Grech kien qed jirreferi għall-kundanni li għamel dan ir-rapport lill-Gvern Soċjalista dwar in-nuqqas ta’ regolamentazzjoni serja f’dak li hu l-ħarsien tal-qasam finanzjarju.

Hu tkellem ukoll dwar in-nuqqas ta’ responsabiltà politika f’pajjiżna. Semma kif f’diversi pajjiżi fejn għall-inqas ħaġa, l-politiċi jirriżenjaw. Semma wkoll kif għadd ta’ politiċi rriżenjaw meta kienu implikati fiil-Panama Papers, imma l-Ministru tagħhna ma rriżenjax.

Il-Kelliema tal-Partit Nazzjionalista dwar l-Ekonomija Kristy Debono, li kienet mistiedna fuq l-istess programm, qalet li il-kundanni tal-Moneyval mhumiex fuq il-liġijiet li għandna imma fuq l-implimentazzjoni tagħhom.

Dan l-istess ħsieb kien espress minn Peter Agius, kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li ingħaqad b’kollegament bi Skype, fejn qal li dan ir-rapport huwa messaġġ ċar lill-Gvern biex jibdel ir-rotta.

Intant, fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi Mario de Marco, il-Partit Nazzjonalista qal li r-reazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi għar-rapport tal-Moneyval hija eżatt dak li m’għandux bżonn pajjiżna, meta minflok serraħ ras il-familji kollha li l-għixien tagħhom jiddependi fuq dan is-settur, prova jwaħħal id-diżastru li ġabna fih Gvern Soċjalista fuq l-Oppożiozzjoni.

L-istqarrija ttemm tgħid li jekk Scicluna jrid iwaħħal f’xi ħadd għal din il-froġa, għandu jibda billi jħares lejn il-mera.