Lokali

Il-Ministru Scicluna għandu jipprovdi s-soluzzjonijiet u jieħu azzjoni minflok ma jitfa’ akkużi bla bażi – PN

Ir-reazzjoni tal-Ministru Edward Scicluna għall-rapport tal-Moneyval hi propja t-tip ta’ reazzjoni li pajjiżna m’għandux bżonn f’mument delikat bħal dan, meta l-ġurisdizzjoni finanzjarja ta’ Malta qed tiffaċċja l-possibbiltà ta’ blacklist.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco, il-Partit Nazzjonalista qal li wieħed kien qed jistenna li l-Ministru Scicluna jaġġorna lill-poplu, partikolarment lil dawk li l-għajxien tagħhom jiddependi mis-settur tas-servizzi finanzjarji, dwar dak li għaddej minnu dan is-settur.

Il-Partit Nazzjonalista qal li wieħed kien jistenna li l-Ministru jispjega x’qed isir biex ikun evitat potenzjal diżastru. Iżda minflok, il-Ministru rreaġixxa b’akkużi bla bażi fil-konfront tal-Oppożizzjoni. Dan minkejja li l-Oppożizzjoni saret taf bil-kontenut tar-rapport Moneyval meta dan kien ippubblikat minn The Sunday Times.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru Scicluna hu l-istess Ministru li qal li rapporti tal-FIAU dwar il-Bank Pilatus inkitbu biex jiġu ‘leaked’, kif ukoll dak li qal li d-dibatittu dwar il-Panama Papers hu parti mill-istorja. Taħt it-tmexxija tiegħu, il-Bank Pilatus ingħata l-liċenzja, b’dan il-Bank u s-Satabank jingħataw iċ-ċans joperaw b’impunità.

Taħt it-tmexxija ta’ Edward Scicluna, l-FIAU keċċiet lil Uffiċjal Investigattiv tiegħu, minkejja li kien qed jagħmel xogħolu. Il-Ministru Scicluna abdika mill-ġurament tiegħu li jipproteġi l-interess nazzjonali, billi pproteġa lill-kollegi tiegħu fil-Kabinett.

Jekk il-Ministru tal-Finanzi jrid jipponta s-swaba’ lejn xi ħadd, irid l-ewwel iħares lejn il-mera, temmet tgħid l-istqarrija.