Ekonomija Lokali

Il-popolazzjoni f’Malta tiżdied b’15,400 f’sena waħda biss

475,701 – Din kienet il-popolazzjoni tal-Gżejjer Maltin fl-2017 skont iċ-ċifri uffiċjali maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Din hija żieda ta’ iktar minn 15,400 persuna f’sena waħda biss. Fil-ħames snin bejn l-2013 u l-2017, il-popolazzjoni f’Malta splodiet bi kważi 46,000.

Min-naħa l-oħra iż-żieda fil-popolazzjoni fil-ħames snin ta’ qabel, jiġifieri bejn l-2008 u l-2012, kienet waħda iktar gradwali ghal total ta’ 11,500. Jiġifieri iż-żieda fl-2017 waħedha kienet iktar miż-żieda f’ħames snin sħaħ qabel l-2013.

Iċ-ċifri juru li l-iktar eta li rat żieda fil-popolazzjoni kienet tal-persuni bejn it-30 u d-39 sena f’Malta filwaqt li f’Għawdex, l-ikbar żieda kienet fost persuni bejn il-50 u d-59 sena.

Min-naħa l-oħra, l-ikbar tnaqqis fil-popolazzjoni kien fost it-tfal u żagħżagħ bejn l-10 u d-19-il sena, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Dan jindika li ż-żieda fil-popolazzjoni mhux dovuta għal ċirkostanzi naturali, jiġifieri b’żidiet fit-twelid tat-trabi, iżda żieda bl-importazzjoni ta’ persuni barra minn Malta. Dan jikkonferma dak li ilu żmien twil jitkellem fuqu l-Kap tal-PN Adrian Delia, illi ċanfar din l-istrateġija tal-Gvern li jżid il-popolazzjoni bl pjan.

Iktar ta’ tħassib hu li l-popolazzjoni qed tkompli tixjieħ, bis-sitwazzjoni tispikka iktar fil-każ ta’ Għawdex.