Lokali

Kommemorazzjoni speċjali għall-Vittorjożani – purċissjoni storika f’Lulju li ġej

Mument storiku għar-residenti tal-Birgu hekk kif kien konfermat li nhar it-Tlieta 30 ta’ Lulju se ssir purċissjoni storika.

Dan hekk kif il-Vittorjożani se jgħixu mill-ġdid il-ġrajja tat-30 ta’ Lulju 1944 meta San Lawrenz ittieħed lura lejn il-Birgu wara l-gwerra. Dan seħħ permezz ta’ purċissjoni mill-Kolleġġjata Bormliża lejn il-Kolleġġjata Vittorjożana.

Fost dawk li għexu dan il-mument kien hemm Anton Attard li jgħid: “Nfitakar l-istatwa fil-Knisja ta’ Bormla u ħafna nies imdawrin magħha. Il-purċissjoni minn Bormla għall-Birgu, li jien kont ħadt sehem fiha bħala abbati kienet immarkata minn ħafna nies, ħafna minnhom jibku wara l-vara, għaddejja mit-telgħa ta’ Santa Tereża.”

L-inħawi tal-Kottonera kienu ntlaqtu sew mill-bombi tal-għadu, ħtija anke li kienu jdawru l-Port il-Kbir. Biżżejjed wieħed jinnota li fil-gwerra, fil-Birgu biss, kienu nqerdu l-Kappella tas-Salib Imqaddes u dik tat-Trinità Mqaddsa(li reġgħu nbnew) kif ukoll il-Knisja tal-Madonna tal-Karmelu. Dan apparti li ġarrbet ħsara l-Knisja ta’ San Filippu.

Għal din l-okkażjoni, iż-żewġ parroċċi qed iħejju programm ta’ attivitajiet biex ifakkru dan il-mument storiku.