Lokali

Kunsill immexxi mis-Sindku Anthony Chircop b’ħidma ħabrieka b’risq is-Slimiżi kollha

Grazzi għall-ħidma ta’ Sindku ħabrieki bħal Anthony Chircop, il-Kunsill Lokali f’Tas-Sliema qed jaħdem kontra l-kurrent iżda b’risq ir-residenti kollha, ladarba l-Gvern qed jabbanduna b’mod assolut din il-lokalità.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem żjara lis-sidien u l-impjegati f’negozji li jinsabu f’din iż-żona kummerċjali u turistika. Hu kien akkumpanjat ukoll mill-Kandidati għall-elezzjonijiet lokali u tal-Parlament Ewropew, kif ukoll mid-Deputati Kristy Debono u Karl Gouder, u membri tal-Kumitat Sezzjonali.

Minkejja l-karbiet tar-residenti, anke f’Tas-Sliema, il-Gvern jidher li qed iwebbes rasu u jkaxkar saqajh basta ma jintroduċix l-iskema tal-parkeġġ għar-residenti, partikolarment fejn l-ammont ta’ ħwienet li hemm ma jagħmilhiex faċli għas-Slimiżi biex isibu fejn jipparkjaw.

Iżda sfortunatament, il-Gvern ta’ Joseph Muscat kien arroganti u qaleb taħt fuq il-proposta dwar dan imressqa mill-Kunsill Lokali. Adrian Delia qal li mal-Kunsilli Lokali li huma qrib tan-nies, il-Gvern qed jimxi kif jaqbillu u bil-maqlub ta’ dak li jissuġġerulu.

Kien għalhekk li Adrian Delia tenna l-appell biex is-Slimiżi jivvutaw lill-Kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista faħħar l-iskema li l-Kunill nieda biex ikun ipprovdut ‘cab service’ b’xejn, li jwassal biex residenti – l-aktar anzjani – jitwasslu mill-kumdità ta’ djarhom sa postijiet essenzjali bħall-Poliklinika jew l-Isptar Mataer Dei.

Adrian Delia qal li din il-pożizzjoni kellha titieħed bil-fors, ladarba l-Gvern baqa’ ma għamel xejn biex jipprovdi servizz diċenti ta’ trasport pubbliku.

Dwar il-problema tal-iżvilupp, li radam għalkollox il-ħajja f’Tas-Sliema, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li wieħed jifhem li l-iżvilupp għandu jsir, dan għandu jsir bi ħsieb u mingħajr ma jikkawża inkonvenjenza.

Hu fakkar fil-proposta li tintalab kontribuzzjoni meta jkun tiela’ xi bini ġdid biex mill-flus li jinġabru, ikun jista’ jinbena parkeġġ li jgawdi minnu kulħadd. Dan meta l-Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista kellu l-flus u l-intenzjoni li jagħmel dan, iżda l-Gvern baqa’ jirrifjuta u ħa l-flus biex jintużaw għal xi ħaġa oħra.

Quddiem Gvern inkompetenti, is-Slimiżi u l-kumplament tal-poplu Malti u Għawdxi m’għandhomx għażla oħra ħlief li jivvotaw lill-Kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.

Sadanittant, fi tmiem iż-żjara, Adrian Delia attenda wkoll għal attività soċjali organizzata mill-Kumitat Sezzjonali tal-Partit f’Tas-Sliema.