Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

“L-investigazzjoni dwar 17 Black hi prijorità tal-PE” – Casa jgħid lill-UAE

“Ilna mħassbin dwar l-investigazzjoni fuq l-iskandlu ta’ 17 Black. 17 Black timplika b’korruzzjoni u ħasil tal-flus, lil nies fl-ogħla livelli tal-poter u negozjanti preferuti tagħhom. Wara r-Riżoluzzjoni tal-bieraħ, din hi l-pożizzjoni wkoll tal-Parlament Ewropew. Ħafna drabi, id-dewmien fil-ġustizzja jitwaħħal f’nuqqas ta’ koperazzjoni minn ġurisdizzjonijiet sigrieti. Aħna rridu nassiguraw li dan ma jseħħx.”

Matul l-aħħar xhur, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa ltaqa’ ma’ uffiċjali għolja fl-Għarab Emirati Magħquda dwar il-kumpanija li bażata fid-Dubaj u l-kont bankarju fil-Bank Noor. Wara li Casa kien talab azzjoni lill-bank, f’Settembru li għadda ġew friżati $2 miljun fil-kont bankarju ta’ 17 Black.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tgħid li kienet il-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia li kienet l-ewwel li kixfet l-isem tal-kumpanija 17 Black, u hi nqatlet 8 xhur wara. Meta nqatlet, Daphne Caruana Galizia kienet qed taħdem fuq l-akbar leak li qatt kienet irċeviet – 680,000 dokumenti tal-Electrogas. Ir-Riżoluzzjoni tinnota wkoll li d-direttur tal-Electrogas hu s-sid ta’ 17 Black, u li l-iskandlu ta’ 17 Black jimplika persuni fl-ogħla livelli tal-Gvern Malti.

F’ittri lill-Bank Noor u lill-Kap tal-Missjoni tal-UAE fi Brussell, David Casa qal: “Il-każ hu ta’ importanza kbira għall-Parlament Ewropew, anke għax jista’ jkollu implikazzjonijiet fuq l-investigazzjoni ta’ qtil ta’ ġurnalista. Fil-fatt, il-Parlament Ewropew qed jinsisti għat-twaqqif ta’ Tim ta’ Investigazzjoni bl-appoġġ tal-Europol u l-Eurojust.”

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tinsisti li l-kont bankarju ta’ 17 Black jibqa’ iffriżat sakemm l-investigazzjonijiet jiġu konklużi, u biex l-awtoritajiet tal-UE jikkooperaw b’mod effettiv mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi Maltin u internazzjoni, b’mod partikolari billi jirrispondu għal talbiet uffiċjali għall-informazzjoni.

“Dan il-każ għandu sinifikat partikolari għaliex il-fatti juru li jeżisti serq mingħand il-poplu Malti.” L-ammont ta’ $2 miljuni li bħalissa huma iffriżati fil-kont bankarju ta’ 17 Black fid-Dubaj huwa konsistenti mal-ammont ippubblikat f’korrispondenza li turi kemm kienu qed jippjanaw li jirċievu l-kumpaniji fil-Panama  ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri minn 17 Black.