Ir-riżoluzzjoni b’rakkomandazzjonijiet lill-Gvern Malti tgħaddi b’maġġoranza b’saħħitha
Il-Parlament Ewropew qed jinsisti li l-Gvern Malti jagħmel numru ta’ bidliet importanti f’dak li għandu x’jaqsam mas-saltna tad-dritt u l-protezzjoni tal-ġurnalisti, u biex dawn isiru issa. Dan, fid-dawl tal-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia, kif ukoll każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus li jimplikaw nies fl-ogħla livelli tal-Gvern. Ir-riżoluzzjoni, b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Gvernijiet ta’ Malta u l-Islovakkja, ġiet approvata b’maġġoranza kbir, b’398 MEPs jivvutaw favur, waqt li 85 biss ivvotaw kontra. Il-maġġoranza tal-MEPs Soċjalisti wkoll ivvotaw favur dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
Speċifikament, ir-riżoluzzjoni tinsisti li l-Gvern Malti għandu:
– jassigura li ssir inkjesta pubblika fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia;
– jara li l-imħuħ wara dan il-qtil ikunu identifikati u ssir il-ġustizzja;
– jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni Venezja;
– jtemm il-kampanja ta’ mibegħda kontra l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia;
– jippubblika r-rapport sħiħ tal-Inkjesta Maġisterjali ta’ Aaron Bugeja;
– jibda investigazzjoni dwar il-Panama Papers, u r-rabta bejn 17 Black u Keith Schembri u Konrad Mizzi;
– jieqaf ibigħ il-passaporti.
Dawn huma kollha temi li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ilu jinsisti dwarhom fil-Parlament Malti u fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
L-MEP Roberta Metsola, li kienet tifforma parti mill-Grupp ta’ Ħidma li żar Malta u l-Islovakkja u kellu numru ta’ laqgħat qabel inkitbet din ir-riżoluzzjoni, qalet: “Din ir-riżoluzzjoni tipproteġi l-valuri Maltin. Tipproteġi l-valuri Ewropej. Din ir-riżoluzzjoni hi bażata fuq l-istess valuri li għandna għal qalbna, u tipprovdi qafas ta’ x’għandu jsir u kif għandhom isiru l-affarijiet.”
L-MEP David Casa, li hu l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, qal: “Xogħolna fil-Parlament Ewropew hu li niddefendu liċ-ċittadini ta’ Malta u Għawdex. Inkunu qed nonqsu minn dmirna jekk ngħalqu għajnejna, waqt li l-istituzzjonijiet qed jinħatfu politikament biex jipproteġu politiċi korrotti, ta’ detriment għall-poplu. Dejjem għandna nkunu kontra l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter. Irridu ninsistu li jerġa’ jkollna l-integrità fl-istituzzjonijiet, u li nipproteġu l-libertà tal-midja u l-protezzjoni tal-ġurnalisti. Hekk għamilna lum. Hekk se nibqgħu nagħmlu.
L-MEP Francis Zammit Dimech, li kien Rapporter tal-Grupp tal-PPE fuq il-libertà tal-midja u l-protezzjoni tal-whistleblowers, qal: “Permezz ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament Ewropew qed jerġa’ jinsisti mal-Gvern Malti biex jagħmel il-bidliet neċessarji biex jissalvagwardja s-saltna tad-dritt f’pajjiżna u jipproteġu lill-ġurnalisti li huma kruċjali biex iżommu lin-nies infurmati dwar dak li għandhom dritt ikunu jafu. Il-poplu Malti jixraqlu li jgħix f’pajjiż tassew Ewropew u demokratiku, u aħna se nkomplu nkunu l-vuċi tiegħu u niddefendu dawn il-valuri li tant huma għal qalbna.”
//= $special ?>