Ambjent Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Metsola b’appell imqanqal biex l-MEPs jappoġġjaw il-projbizzjoni tal-plastik

“Aħna l-ewwel ġenerazzjoni ta’ politiċi li nafu sew il-ħsara li qed issir lill-ambjent bi plastik li jintuża darba biss. Aħna wkoll diġà l-aħħar ġenerazzjoni li nistgħu nagħmlu xi ħaġa dwarha. Irridu naġixxu issa,” qalet l-MEP Roberta Metsola f’diskors lill-MEPs fil-Parlament Ewropew.

“75% tal-iskart li jmur fl-ibħra u l-oċeani hu plastik. Jien ġejja minn Malta u Għawdex – gżejjer f’nofs il-Mediterran. Kuljum, ikollna plastik mal-bajjiet u fil-ħut tagħna. Ħafna minnu hu plastik li jintuża darba biss, mhux bijodegradabbli u għalhekk jibqa’ fl-eko-sistemi għal seklu sħaħ. Ma nistgħux nibqgħu sejrin b’din ir-rata,” qalet l-MEP Metsola.

Filwaqt li appellat lill-MEPs biex jappoġġjaw il-projbizzjoni fuq livell Ewropew tal-prodotti ta’ plastik li jintuża darba biss, l-MEP Metsola qalet li d-deċiżjoni biex jitwaqqaf l-użu ta’ dan it-tip ta’ plastik li fl-aħħar se tidħol fis-seħħ fl-2021, hi pass kbir ‘il quddiem, imma mhux biżżejjed.

“Jista’ jkollna l-aqwa liġijiet tad-dinja, imma l-bidla trid issir fuq livell individwali. L-impatt ta’ deċiżjonijiet kbar jista’ jkollhom impatt kbir. Immaġinaw kieku flok il-basktijiet tal-plastik tas-soltu li naraw kullimkien, nużaw kaxxi jew drapp; jew kieku nieqfu nixtru prodotti mgeżwra f’plastik li ma hemmx bżonnu; jew kieku narmu tazza tal-kafè kull darba li nieħdu xarba sħuna, nużaw kontenituri apposta li jerġgħu jintużaw; jew flok l-istraws tal-plastik, nagħtu lil uliedna straws tal-karti jew dawk magħmula mill-bamboo. Il-punt tiegħi hu li differenzi żgħar – li kważi qas tinduna bihom – f’ħajjitna, jistgħu jagħmlu differenza kbira. Ma nistgħux naħlu aktar ħin.”