Min iħobb lil pajjiżu ma jħammiġlux ir-reputazzjoni b’għemilu, jipperikola l-investiment barrani u jimmina setturi importanti fl-ekonomija bħalma huma s-servizzi finanzjarji u l-gaming. Joseph Muscat ma jistax jitkellem fuq il-ħarsien ta’ isem pajjiżna meta ċ-Chief of Staff tiegħu u Ministru fil-kabinett kellhom struttura ta’ kumpaniji sigrieta fil-Panama, u b’għemilhom ħammġu isem pajjiżna u spiċċa fil-Panama Papers.
Min iħobb lil pajjiżu jara li jissalvagwardja r-reputazzjoni u mhux jagħti liċenzja bankarja lil Pilatus bil-konsegwenza li pajjiżna spiċċa fiċ-ċentru ta’ diskussjonijiet u rapporti ta’ istituzzjonijiet Internazzjonali u Ewropej, li kkonkludew li f’pajjiżna mhux qed isir id-due diligence kif suppost.
Min iħobb lil pajjiżu iħalli l-istituzzjonijiet jaħdmu b’mod liberu u mingħajr ma jiġu maħkuma mill-Gvern. Dan biex l-istituzzjonijiet ikunu hemm biex iservu bħala vuċi tal-poplu u mhux jaħdmu biss meta l-Gvern jiġbdilhom l-ispaga, bħall-Avukat Ġenerali li spiċċa biex sar l-avukat tal-Prim Ministru u l-Ministri.
Li kieku verament Joseph Muscat iħobb lil pajjiżna, kien jieħu d-deċiżjonijiet li kellu jieħu snin ilu u kien jara li jħares ir-reputazzjoni tajba li Malta dejjem kellha u mhux issa lil istituzzjonijiet barranin qed iħarsu lejn Malta bħala tax haven.
//= $special ?>