Mingħajr il-ġrajja tal-31 ta’ Marzu 1979, pajjiżna ma setax jibda l-proċess biex illum aħna Membri Sħaħ fl-Unjoni Ewropea.
Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat fi tmiem ċerimonja simbolika li saret fil-Birgu ftit jiem qabel l-anniversarju ta’ meta ntemm il-kuntratt biex il-Bażi Militari Ingliża ma tibqax tuża’ lil Malta, fil-31 ta’ Marzu 1979.
L-istqarrija ta’ Muscat tistona mal-pożizzjoni li l-istess Muscat kien ħa qabel ir-Referendum tal-2003, meta pajjiżna vvota favur is-Sħubija Sħiħa u mhux favur xi ftehim iehor, kif xtaq il-Partit Soċjalista. Dakinhar, hu kien spalla ma’ spalla mal-Mexxej Laburista Alfred Sant, jappella lin-nies biex jivvutaw LE, jinvalidaw il-vot jew ma jmorrux jivvutaw.
Iżda llum, l-istess Mexxej Laburista qed jgħid li l-wegħdiet li għamel il-Perit Mintoff 40 sena ilu, qed iseħħu. Anke dan il-fatt jistona mal-karba ta’ dak iż-żmien: li pajjiżna m’għandux bżonn il-barrani. Minflok, illum, Muscat jemmen li mingħajr il-barranin, lanqas biss jistgħu joħorġu l-pensjonijiet lill-anzjani tagħna.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona tkellem dwar dan l-avveniment, meta qal li dakinhar, pajjiżna ħeles mill-ħakma tal-barrani. Madankollu, u mingħajr ma daħal f’dettalji, hu qal li fil-futur għad hemm bżonn ta’ aktar sagrifiċċji.
Filwaqt li tenna għadd ta’ slogans użati mill-Perit Mintoff 40 sena ilu, Chris Cardona ħa l-okkażjoni jattakka lill-Membri Parlamentari Ewropej, fosthom lil Soċjalisti li żaru Malta biex jinvestigaw is-Saltna tad-Dritt.
Sadanittant, fil-Birgu, tfakkar l-avveniment ta’ 40 sena ilu, meta qabel dik id-data, il-Prim Ministru Soċjalista Dom Mintoff kien ġedded il-kuntratt mal-Ingliżi mill-1974 sal-aħħar ta’ Marzu 1979 biex pajjiżna seta’ jkompli jintuża’ bħala Bażi Militari.
Preżenti għall-attività politika kien hemm il-Grupp Parlamentari Laburista u s-sezzjonijiet fi ħdan il-Partit, li mbagħad qegħdu bukketti tal-fjuri ma’ riġlejn il-monument li jgħatti l-faċċata tal-Knisja Kolleġġjata tal-Birgu.
//= $special ?>