Tirrenja l-inċertezza fir-Renju Unit wara lejla mqanqla f’Westminster fejn f’sensiela ta’ votazzjonijiet, id-Deputati fil-House of Commons ivvota kontra tmien xenarji differenti dwar it-triq ‘il quddiem għall-proċess ta’ ħruġ mill-Unjoni Ewropea
Dawn il-voti, ironikament imsejjħa indikattivi u li suppost kellhom ifasslu t-triq ‘il quddiem, għamlu l-eżatt oppost u żiedu l-inċertezza.
Fil-Qosor, il-House of Commons ivvotat:
- Kontra li r-Renju Unit joħroġ mingħajr ftehim fit-12 ta’ April
- Kontra li jwaqqaf il-proċess ta’ Brexit jekk ma jintlaħaqx ftehim sat-12 ta’ April
- Kontra referendum dwar kwalunkwe ftehim milħuq dwar it-tluq mill-UE
- Kontra l-ħruġ mill-UE iżda li r-Renju Unit jibqa’ fl-unjoni doganali mas-27 Stat Membru
- Kontra l-ħruġ mill-UE iżda li r-Renju Unit jibqa’ fil-EEA jew l-EFTA
- Kontra li jkunu negozjati tibdil għall-ftehim tal-PM Theresa May skont is-suġġerimenti tal-Partit Laburista
- Kontra ftehim ta’ sentejn fejn prodotti mir-Renju Unit ikollhom aċċess sħiħ fis-swieq tal-Unjoni Ewropea.
Iktar kmieni, il-Prim Ministru Theresa May offriet li tirriżenja u twarrab mit-tmexxija tal-pajjiż jekk il-Parlament japprova l-ftehim negozjat mal-UE.
Fis-summit tal-ġimgħa li għaddiet, il-Mexxejja tal-Istati Membri tal-UE taw estensjoni tal-Brexit u żewġ dati possibbli għal ħruġ tar-Renju Unit; fit-22 ta’ Mejju f’każ li l-House of Commons japprova l-ftehim negozjat jew fit-12 ta’ April, fejn kull ċirkostanza hi possibbli, inkluż li r-Renju Unit joħroġ mingħajr ftehim.
//= $special ?>