Lokali

It-tattiċi ta’ dewmien tal-Gvern u tal-Avukat Ġenerali miċħuda mill-Qorti

Il-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Prim Imhallef llum ċaħdet l-argumenti kollha mressqa mill-Prim Ministru u l-Avukat Ġenerali fil-kawża li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex il-Qorti tiddikjara bħala null il-kuntratt ta’ $2 biljun li ġie ffirmat ma’ Vitals Global Healthcare, fejn il-Gvern għadda tliet sptarijiet publici lil kumpanija, li s-sidien tagħha hadd ma jaf min huma. Il-Prim Ministru u l-Avukat Ġenerali riedu li jtawwlu dan il-każ kemm jistgħu u talbu lill-Qorti biex ma tagħtix verdett wieħed fuq il-mertu tal-każ, iżda li tagħti ġudizzji differenti fuq l-argumenti u talbiet preliminari.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien oġġezzjona bil-qawwa għal din it-talba għaliex kien ovvju li dan kien se jwassal għal dewmien zejjed, fejn jispiċċaw jgħaddu bosta snin biex il-kawża tiġi deċiża. Dan meta din il-kawża tikkonċerna l-akbar kuntratt li ngħata mill-Gvern f’dawn l-aħħar 40 sena u li jikkonċerna s-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna.

Il-Prim Awla ċaħdet it-talba tal-Prim Ministru u l-Avukat Ġenerali filwaqt li  laqgħet l-argumenti mressqa minn Adrian Delia u ghalhekk qalet li minhabba li l-każ huwa ta’ importanza nazzjonali il-kawża m’għandhiex tittawwal. Illum, il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-argumenti kollha li għamlu l-Prim Ministru u l-Avukat Ġenerali u għal darb’oħra laqgghet l-argumenti ta’ Adrian Delia.

Din hija rebħa oħra għall-Kap tal-Oppożizzjoni u għan-nies kollha ta’ rieda tajba li ddejqu bil-kilba u l-korruzzjoni li huma karatteristika ta’ dan il-Gvern. Id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li jagħti tliet sptarijiet lil Vitals, kumpanija bla ebda esperjenza fis-settur mediku kien ‘the wrong deal’ u dan ġie kkonfermat ukoll mill-Viċi Prim Ministru Chris Fearne meta ddeskriva l-ftehim il-ġdid ma’ Steward bħala ‘the real deal’. F’din il-kawża, l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien assistit mill-avukati Jason Azzopardi u Edward Debono.