Futbol Sport

Chievo jkomplu jersqu lejn is-Serie B

(Ritratt: EPA)

Tliet gowls fl-ewwel taqsima wittew it-triq għar-rebħa ta’ Cagliari fuq Chievo fi Stadio Bentegodi. B’din it-telfa kompliet titqal il-possibbiltà li Chievo jsalvaw hekk kif għadhom 14-il punt bogħod mis-salvazzjoni b’disa’ logħbiet għat-tmiem.

FABIO PISACANE fetaħ l-iskor fis-16-il minuta b’daqqa ta’ ras li ħabtet mal-mimduda qabel daħlet. JOAO PEDRO rdoppja l-vantaġġ fit-33 minuta f’azzjoni brillanti ta’ Nicolò Barella li avvanza minn fuq ix-xellug qabel qassam lejn l-attakkant li skorja b’xutt preċiż fil-baxx.

ARTUR IONITA għalaq il-logħba fit-43 minuta meta rċieva kross mil-lemin ta’ Fabrizio Cacciatore u għeleb lil Stefano Sorrentino b’daqqa ta’ ras, fost protesti ta’ fawl mill-plejers ta’ Chievo. It-tim ta’ Domenico di Carlo kompla l-logħba b’raġel anqas fit-52 minuta meta tkeċċa għat-tieni karta safra Fabio Depaoli.