ĦAMRUN S…………… 2 QORMI………………….. 1
Ħamrun: M. Bartolo, E. Pepe, T. Caruana, C. Henneberg (R. Darmanin 88’), W. Domoraud, M. Gauci, K. Micallef, O. Nikolopoulos, C. Calil, K. Tulimieri, F. Marra (C. Borg 54’)
Qormi: D. Cassar, D. Mansi, Y. Tankam, M. Micallef, M. Reggis (I. Zammit 71’), A. Abela (L. Busuttil 82’), J. Lokando Mboyo, M. Bangoura, L. Santana, P. Romeu, T. Gusman (F. Gnindokponou 53’)
Imwissija: F. Marra 17’, T. Caruana 64’ (Ħ), A. Abela 59’, L. Santana 62′ M. Bangura 90’ (Q)
Skorjaw: W. Domoroud 25’, C. Calil 69’ pen. (Ħ) Y. Yankam 56’ (Q)
Referee: Trustin Farrugia Cann
Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Dusan Petrovic
In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Kevin Tulimieri (Ħamrun Spartans)
Attendenza: 319
Rapport: Keane Cutajar
Fir-ritorn tal-Kampjonat Premier wara l-waqfa għal-logħob tat-tim nazzjonali kontra l-Gżejjer Faroe u Spanja, Ħamrun qabżu momentarjament lil Sliema fir-raba’ post tal-klassifika u ġew biss żewġ punti taħt Gżira. Għat-tim ta’ Giovanni Tedesco din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva wara tliet logħbiet ma jagħmlu dan.
Min-naħa l-oħra, Qormi baqgħu jissugraw relegazzjoni hekk kif issa fadlilhom biss erba’ logħbiet biex idawru staġun pjuttost negattiv f’wieħed ta’ punti importanti minn konfronti diffiċli kontra Sliema, Hibernians, Birkirkara u Mosta.
Fatt li wieħed ma jistax ma jsemmix hu n-nuqqas ta’ attendenza f’konfront li stennejna aktar nies, diżappunt li jinħass aktar meta ftit jiem qabel, fl-istess stadium, il-pubbliku sportiv ġie bi ħġaru.
L-ewwel azzjoni tal-logħba waslet fit-13-il minuta, meta Carlos Henneberg ittanta xortih b’xutt bid-dawra minn barra l-kaxxa, xutt li ħabat quddiem David Cassar qabel dan tal-aħħar, bi bravura dawwar f’korner.
L-Ispartans komplew jippruvaw u fl-20 minuta, Wilffried Domoraud iltaqa’ ma’ kross insidjuż minn barra l-kaxxa iżda minn viċin il-lasta ma rnexxilux jimmira kif ried u bir-ras xeħet barra.
WILFRIED DOMORAUD, patta bil-kbir ħames minuti wara meta f’azzjoni tista’ tgħid simili, irċieva mingħand Enrico Pepe minn viċin nofs il-grawnd, bi kross wara d-difiża li għola għalih waħdu qabel indirizza preċiż fir-rokna, b’Cassar ma seta’ jagħmel xejn ħlief iħares lejn il-ballun fix-xibka. Id-difiża ta’ Qormi setgħet għamlet aħjar.
L-ewwel azzjoni perikoluża ta’ Qormi, li minnha forsi setgħu għamlu aħjar, waslet fit-43 minuta meta min-nofs il-kaxxa l-kbira Mateus Reggis prova jdawwar lejn ir-rokna fil-baxx iżda ra t-tentattiv tiegħu jgħaddi barra l-wieqfa wara li kien pressat mid-difensuri tal-ħomor u suwed.
Għaxar minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, it-tim immexxi minn Mario Muscat ġab id-draw. Kien korner mil-lemin li Ħamrun naqsu milli jbiegħdu, bil-ballun jaqa’ f’tarf il-kaxxa f’saqajn YANNICK YANKAM li b’xutt sabiħ ‘volley’ bid-dawra xeħet fir-rokna.
Ħamrun reġgħu ħadu l-vantaġġ mill-11-il metru fid-69 minuta. Trustin Farrugia Cann saffar għal penalty meta Lucas Santana waqqa’ lil Kevin Tulimieri fil-kaxxa. Mill-penalty, CAETANO CALIL tefa’ fil-baxx fuq il-lemin b’Cassar imur in-naħa l-oħra.
Ir-reazzjoni ta’ Qormi wasslet fit-83 minuta b’rovexxjata ta’ Jordy Lokando Mboyo fit-83 minuta kienet faċli għal Cassar li salva bla problemi. Minuta wara, Domoraud kien żvinturat li ma għalaqx il-logħba qabel il-ħin hekk kif ra x-xutt tiegħu jistampa mal-wieqfa.
//= $special ?>