Lokali

Il-PN jibqa’ qrib il-ħaddiema tal-Air Malta

Minkejja li l-Partit Soċjalista ilu fil-Gvern għal dawn l-aħħar sitt snin, il-ħaddiema tal-Air Malta għadhom fl-inċertezza. U min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista jinsab f’kuntatt mal-ħaddiema, tant li qed jindirizza t-tħassib tagħhom.

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Robert Arrigo, waqt li kien mistieden fil-programm NET Live fuq NET Television, fejn tratta l-problemi li qed jiffaċċjaw il-ħaddiema tal-Air Malta.

L-intervista saret fid-dawl ta’ mixja simbolika li għadd ta’ ħaddiema għamlu fil-jiem li għaddew sa quddiem Kastilja biex jipprotestaw għal tibdil fir-rosters tagħhom, li qed jgħidu li se jsiru kontra l-ftehim iffirmat mal-Union li tirrappreżentahom.

Dwar dan, Robert Arrigo kkonferma li rosters ġodda mistennija jibdew minn tmiem il-ġimgħa li ġej u li fil-fatt jiksru l-ftehim li aċċettaw il-ħaddiema.

Fl-aħħar jiem, il-Ministru Konrad Mizzi deher diversi drabi jiftaħar biċ-ċifri finanzjarji tal-linja nazzjonali tal-ajru … b’tant pompa lejlet l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju li ġej u fuq l-għatba tal-ġlieda għal-leadership Laburista, biex jieħu post il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Iżda Robert Arrigo ċċara li minkejja li l-Gvern jgħid li qegħdin fl-Aqwa Żmien, il-kontijiet finanzjarji li ħarġu mhumiex xogħol Konrad Mizzi.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu qal li l-Partit Nazzjonalista jaqbel li l-Air Malta tespandi u tnaqqas it-telf tagħha. Tant hu hekk li, sa mill-aħħar leġislatura tiegħu, Gvern Nazzjonalista kien beda proċess immirat lejn l-isfidi finanzjarji tal-kumpanija.

Min-naħa l-oħra, il-Gvern ta’ Muscat għażel li joħloq żewġ kumpaniji biex l-Air Malta titnaddaf mit-telf finanzjarju tagħha, fejn aktarx naraw għadd sinifikattiv ta’ ħaddiema barranin b’anqas pagi. Mhux ta’ b’xejn li t-telf tal-kumpanija jitnaqqas, spjega Arrigo.Filwaqt li esprima s-solidarjetà tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista mal-ħaddiema u l-familji tagħhom, hu sostna li l-pajjiż kollu qed jistenna t-tweġibiet minn Konrad Mizzi ħalli kulħadd ikollu l-istampa ċara tas-sitwazzjoni ta’ kumpanija li, fuq kollox, hi tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.