Il-Malta Police Association ingħatat raġun għat-tieni darba dwar kawża li kienet fetħet fil-Qorti dwar inġustizzji fil-konfront tal-uffiċjali tal-Pulizija.
Il-każ hu dwar l-irkant li ta’ kull sena kien isir mill-Korp tal-Pulizija, fejn fost oħrajn ikunu mibjugħa l-armi li jkunu ġew sekwestrati.
Madankollu l-Gvern Soċjalista kien iddeċieda li jeskludi lill-membri tal-Korp milli jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-irkant tal-armi.
Il-Malta Police Association kienet ilmentat li din kienet sitwazzjoni inġusta u għalhekk, fl-2015, fetħet kawża quddiem il-Qorti.
Din il-kawża kienet inqatgħet favur l-MPA, iżda l-Gvern reġa’ appella mid-deċiżjoni sakemm finalment illum is-sentenza kienet konfermata fi stadju ta’ appell u għalhekk hi waħda uffiċjali.
