Ekonomija Lokali

Jitqajmu aktar dubji fuq il-pensjonijiet

Hemm possibbilà kbira li l-ħaddiema Maltin se jkollhom  jipposponu l-età tal-irtirar tagħhom biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja filwaqt li jżommu mal-istandards ta’ għajxien tagħhom.

Skont il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus Clyde Caruana, il-pensjonijiet baxxi li għandna f’pajjiżna jistgħu jwasslu lill-ħaddiema biex ikollhom jibqgħu fl-impjieg tagħhom wara l-età tal-irtirar.

Huwa sostna li peress li l-pensjonijiet f’Malta huma biss ftit ‘il fuq mil-linja tal-faqar, dan ifisser li l-pensjonanti jistgħu jispiċċaw jgħixu fil-faqar jekk ma jiddeċidux li jibqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar.

Waqt li kien qed jindirizza konferenza organizzata aktar kmieni din il-ġimgħa, Clyde Caruana qal li l-uniku mod biex jiżdiedu l-pensjonijiet…hu billi jiżdiedu t-taxxi – frazi li l-Gvern kontinwament qed ilissen, anke meta jsemmi l-proġett tal-metro, li rabtu maż-żieda fit-taxxi.

Skont l-ahhar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistka, fl-2017 il-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet b’aktar minn 15,400 persuna…f’sena wahda biss.

U fid-dawl ta’ dan kollu, illum il-ġunata għandna Gvern Soċjalista illi jemmen li mingħajr iż-żieda tal-barranin f’pajjiżna, ma jkunx jista’ jagħti l-pensjonijiet lill-anzjani.C

Fl-ahhar jiem, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia insista li anke r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jikkundanna n-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern fejn jidhlu l-pensjonijiet, u li ma sar xejn konkret biex min jirtira jkollu pensjoni garantita. Dan meta pensjonant minn kull ħamsa qed jgħix fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar.

Is-soluzzjoni tal-Gvern għal dawn il-pensjonanti li qegħdin ibatu hija li jmorru jiddejnu fuq djarhom, li imbagħad iħallsuh uliedhom – u kif qal il-PN, dan kollu juri li l-Gvern tilef il-boxxla soċjali.