Lokali Qorti Saħħa

IL-KAWŻA TAL-VITALS: Rebħa oħra għal Adrian Delia u għan-nies

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, l-Imħallfin Joseph R Micallef u Tonio Mallia ikkonfermat digriet tal-Imħallef Silvio Meli fejn ġie miċħud l-appell tal-Prim Ministru u tal-Avukat Ġenerali sabiex il-kważa tal-Vitals tkun spezzettata, u tinqasam f’diversi partijiet. Dan wara li l-Kap tal-PN Adrian Delia fetaħ din il-kawża ta’ importanza kbira fil-Qorti sabiex jiġi investigat id-deal tal-Vitals.

F’din il-kawża, Adrian Delia qed ittenni li l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jerġgħu lura għand il-poplu wara li jkun iddikjarat null il-kuntratt li l-Gvern għamel mal-Vitals Global Healthcare. Il-Qorti tal-Appell qalet fis-sentenza tagħha li l-Appell mhux mistħoqq, u għalhekk ma kienitx se tilqa t-talba.

Qalet ukoll li mir-raġunijiet li nġiebu quddiemha m’għandhiex tvarja mid-digriet li ngħata mill-Ewwel Qorti. Il-Qorti tal-Appell ma laqgħatx l-appell li sar mill-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Avukat Ġenerali, Vitals, Malta Industrial Parks u l-Awtorità tal-Artijiet dwar il-każ li nfetaħ mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fuq il-kuntratt ta’ bejn il-Gvern u l-kumpanija Vitals Global Healthcare (VGH). Delia jrid li jagħti lura lill-poplu li sptarijiet privati li nbiegħu bix-xejn lill-privat. Il-Prim Ministru w l-partijiet l-oħra appellaw mid-digriet li ta l-Imħallef Silvio Meli fit-28 ta’ Mejju li għadda fejn qalu li jkun aħjar li l-kawża tinqasam f’biċċiet u dan biex jiggwadanjaw il-ħin, liema kawża setgħet tieħu s-snin biex tinqata’.

Huma kienu għamlu eċċezzjoni preliminarja li fiha qalu li l-kawża hi inammessibbli minħabba li nfetħet wara li l-kuntratt kien ġie ffirmat. Dakinhar il-Qorti kienet iddeċidiet li l-każ mhux se jiġi maqsum fi stadji preliminarji iżda se jkun hemm deċiżjoni waħda rigward il-każ. Din id-deċiżjoni kienet appellata bi tliet Imħallfin għal darba oħra jikkonfermaw li dan mhux il-mod kif għandha tkompli tinstema’ l-kawża. Kien fi Frar tas-sena l-oħra Delia kien fetaħ kawża l-Qorti biex il-kuntratt ta’ bejn il-Gvern u l-kumpanija Vitals Global Healthcare (VGH) li permezz tiegħu nbiegħu tliet sptarijiet jiġi ddikjarat null.

Adrian Delia kien ippreċenta l-kawża ftit jiem wara li l-konċessjoni għat-tlett isptarijiet li kienu għaddew f’idejn l-VGH ġiet trasferita lil Steward Health Care.

Il-Kap tal-PN dejjem tenna li l-Gvern ma kellu l-ebda dritt li jawtoriżża t-trasferiment minħabba li l-VGH kien kiser il-kundizzjonijiet tal-kuntratt. Għal Kap tal-Oppożizzjoni deheru l-Avukat Jason Azzopardi u Edward Debono.