Lokali

“L-interess tar-residenti ta’ Marsalforn għandu jiġi l-ewwel” – Adrian Delia

Il-Gvern Soċjalista għandu jġib l-ewwel l-interessi tar-residenti u s-sidien tan-negozji, b’mod speċjali dawk l-iktar vulnerabbli minħabba li jgħixu f’inħawi li jbatu mill-istaġjonalità jew l-elementi tan-natura.

Din hi problema b’mod speċjali ta’ Marsalforn, waħda mil-lokalitajiet li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia żar bħala parti minn żjara oħra fil-gżira Għawdxija li tkompli matul tmiem il-ġimgħa f’diversi lokalitajiet oħra.

Fost il-karbiet minsija mill-Gvern tar-residenti u s-sidien tan-negozji ta’ Marsalforn hemm il-breakwater li ġie mwiegħed imma baqa’ ma sarx.

“Fi żmien Gvern Nazzjonalista kien udiġa ppreparaw l-istudji, ippreparaw il-pjanti, kien hemm il-fondi imma prattikament f’sitt snin ma ġara xejn. Ħsarat li ġarrbu dawk li għandhom in-negozji tagħhom u residenti. Bħal dejjem il-Gvern li l-interess tar-residenti qatt ma jġibu l-ewwel,” fakkar Adrian Delia.

Mhux talli hekk, anzi bid-deċiżjonijiet tal-Gvern saħansitra kompla jinqata’ min-nies u jaħtaf il-poter.

“Il-Gvern għażel li t-tmexxija ta’ Marsalforn jagħmilha mill-Gvern ċentrali, id-dipartimenti tiegħu, u ma jħallix dawk li huma l-aqwa deċiżjonijiet għal din il-parti ta’ Għawdex, isiru minn dawk li jkunu eletti direttament mir-residenti,” iddikjara Adrian Delia.

Waqt li kien qed jiltaqa’ mas-sidien tal-istabbilimenti f’Marsalforn, Adrian Delia tkellem magħhom fost oħrajn dwar il-problema tal-istaġjonalità imma wkoll dwar l-opinjoni tagħhom fuq proġetti ta’ konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.

Adrian Delia kien akkumpanjat minn kunsilliera, kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsill lokali kif ukoll dawk tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.