Residenti tan-Nigret, limiti tar-Rabat (Malta), jinsabu mħassba wara mewġa ta’ serq fl-inħawi.
Dan hekk kif fl-aħħar jiem kienu diversi r-residenzi li spiċċaw misruqa minn persuna jew persuni mhux magħrufa. Rapporti simili waslu għand Net News minn Ħal Bajjada, Bieb ir-Riebu u mad-dawra tal-Iskola Sant’Agatha fejn kien hemm numru ta’ episodji ta’ serq jew attentati.
Jidher li din il-mewġa ta’ kriminalità ilha għaddejja għall-aħħar tliet ġimgħat u fil-mira tal-ħallelin hemm b’mod speċjali l-appartamenti. F’diversi każi filfatt jidher li dawn l-ewwel fetħu l-bieb tal-komun qabel żgassaw l-appartamenti fil-mira tagħhom.
Fl-aħħar sigħat saħansitra kien hemm twissijiet dwar vettura suspettuża li għal ħin twil dehret ipparkjata fl-inħawi tal-kappella tal-istess lokalità.
Persuni li tkellmu ma’ Net News spjegaw kif min kien f’din il-vettura deher josserva blokka appartamenti fl-inħawi, għalkemm sfortunatament min innota dan ma laħaqx ħa n-numru tar-reġistrazzjoni.
Minkejja dan, Net News jinsab infurmat li l-Pulizija żiedu l-preżenza tagħhom fl-inħawi minħabba d-diversi rapporti li rċevew. Infurmati wkoll li, f’mill-inqas każ wieħed, il-Pulizija qed tanalizza l-filmati ta’ attentat ta’ serqa.
//= $special ?>