Sport Waterpolo

Rebħa kontra l-Ukrajna għaż-żgħażagħ Maltin wara żewġ telfiet konsekuttivi

MALTA……………. 13 UKRAJNA……………. 9

Wara żewġ telfiet konsekuttivi, it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-15-il kiseb l-ewwel rebħa meta għeleb lill-Ukrajna 13-9. Ilbieraħ filgħaxija, iż-żgħażagħ Maltin tilfu 12-8 kontra s-Slovenja filwaqt li dalgħodu t-tim ta’ Anthony Farrugia tilef 19-4 kontra r-Rumanija.

Protagonist għat-tim Malti kontra l-Ukrajna kien Nico Schiavone li skorja erba’ gowls. Il-logħba sa tmiem it-tieni sessjoni kien bilanċjat, bit-tim Malti jkun darbtejn fil-vantaġġ filwaqt li l-Ukreni ħadu l-vantaġġ tliet darbiet.

Kienet wirja tajba fit-tielet sessjoni li kienet strumentali biex waslet ir-rebħa. Mark Castillo u Matthew Mifsud taw vantaġġ doppju lit-tim Malti, b’Maksym Klunnyi jnaqqas id-distakk immedjatament. Fl-aħħar żewġ minuti skorjaw Matthew Mifsud u Nico Schiavone biex it-tim Malti beda b’vantaġġ ta’ 9-6 fl-aħħar sessjoni.

Bohdan Motyl naqqas id-distakk għat-tim Ukren iżda ftit wara tkeċċewlhom żewġ plejers b’sostituzzjoni, b’Alec Fenech jiskorja f’sitwazzjoni ta’ raġel aktar. Mark Demarco wkoll tkeċċa b’sostituzzjoni, bl-Ukrajna tibqa’ tittama hekk kif l-iskor sar 10-8 b’minuta u 41 sekonda għat-tmiem.

Kien gowl ta’ Ryan Galea minuta u disa’ sekondi mit-tmiem li qata’ t-tamiet tal-avversarji, bit-tnejn jerġgħu jiskorjaw sat-tmiem filwaqt li l-Ukrajna tilfet żewġ plejers oħra.

Malta: G. Borg, M. Mifsud (2), D. Tully, K. Borg, J. Cachia, M. Demarco, N. Schiavone (4), M. Castillo (2), R. Galea (2), S. Azzopardi, A. Fenech (2), S. Gialanze (1), A. Mifsud