Mingħajr l-ebda konsultazzjoni, u f’ferneżija biex il-Kunsill Lokali Laburista ta’ Birkirkara jidher li qed jagħmel xi ħaġa ftit jiem qabel l-elezzjoni, il-bejjiegħa tal-monti spiċċaw imkeċċija minn din il-lokalità.
L-Erbgħa, l-aħħar jum li dawn kellhom jarmaw f’Birkirkara, Net News seta’ jinnota kif ħafna mill-bejjiegħa għażlu li ma jarmaw xejn ….anke għaliex f’posthom diġa’ beda xogħol ta’ tqattiegħ tat-triq.
Stajna ninnutaw fost oħrajn kif bankina minnhom ilha maqlugħa ġimgħat … għax wara li nqalgħet, il-Kunsill Lokali skopra li l-madum biex jibniha mill-ġdid għadu ma wasalx.
F’Birkirkara, il-bejjiegħa ilhom abbandunati, tant li talbiet biex jitwaħħlu tabelli biex ma jsirx parkeġġ fejn suppost jarmaw baqgħu injorati. Dan bil-konsegwenza li spiss isibu l-vetturi pparkjati flokhom u jispiċċaw iridu jaraw fejn se jarmaw.
Iżda fejn se jintefgħu l-bejjiegħa tal-monti? L-awtoritajiet iddeċidew li posthom issa se jkun f’nofs iż-żona industrijali ta’ San Ġwann. Hawnhekk, min se jispiċċa quddiem bieb ta’ għalqa, min se jispiċċa fi sqaq, nofs fl-imħarbat u nofsu fit-triq, bin-nies jimxu fuq it-trab u ż-żrar, waqt li wieħed mill-bejjiegħa se jispiċċa taħt siġra fejn lanqas għandu spazju biex joqgħod bilwieqfa.
Dan apparti li mistennija jittieħdu kważi mitt parkeġġ f’żona fejn diġa hi problema li wieħed isib jipparkja. Se jingħalqu wkoll diversi toroq, f’mossa li qajmet rabja fost sidien ta’ mħażen u fabbriki li spiċċaw b’aċċess limitat jew magħluq.
Uħud mill-bejjiegha spjegaw ma’ Net News li għadom ma jafux kif se jduru bit-trakkijiet tagħhom, u li saru jafu biss b’dan kollu meta raw ħaddiema jisprejjaw iż-żebgħa fit-triq biex joħolqu l-allokazzjonijiet għall-bejjiegħa.
Rabja wkoll fost ir-residenti ta’ San Gwann li se jispiċċaw iduru dawra biex jaslu fi djarhom. Dawk li tkellmu magħna nnutaw kif huma ilhom minsija mill-Gvern, li ftakar fihom biss meta ġie biex jagħlaq it-toroq malli ddeċieda li jitfa’ lil tal-monti fit-triq tagħhom.
Fost it-talbiet tagħhom, li baqgħu minsija, hemm dawk li ssir bankina biex għallinqas ma jispiċċawx jimxu f’nofs ta’ Triq taż-Żwejt kif ukoll biex isir bus shelter.
B’dawn il-bidliet, la kienu konsultati l-bejjiegħa tal-monti u lanqas il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann.Għall-bejjiegħa tal-monti saret biss laqgħa fil-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, ftit jiem qabel l-aħħar darba li ramaw f’din il-lokalità … iżda min organizzaha ma kienx jaf itihom ir-risposti.