Ambjent Lokali

Qattgħu l-lejl fil-kampijiet; tkompli l-protesta tal-Graffitti quddiem il-PA

Attivisti tal-Grupp Graffitti dal-lejl reġgħu kkampjaw fit-triq li tagħti aċċess għall-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar fil-Furjana. L-attivisti qed jimblukkaw l-aċċess għall-bini tal-Awtorita’ bi protesta kontra n-nuqqas tal-Awtorita’ tal-Ippjanar milli tħares iż-żoni barra l-iżvilupp (ODZ).

S’issa l-Grupp Graffiti għad ma kellu l-ebda risposta min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar. Iktar tard illum il-Grupp Graffiti mistenni jimxi sal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali fil-Floriana, sabiex jippreżentaw ittra lill-Ministru Ian Borg.

Nhar it-Tnejn, il-Moviment Graffitti qal illi lest li jwettaq aktar azzjonijiet diretti kontra l-imġieba skandaluża tal-Awtorita’ tal-Ippjanar jekk il-Fuel Service Station Policy riveduta – waħda li tipprojbixxi pompi tal-petrol fl-ODZ – ma tiġix ippubblikata immedjatament.

Fi stqarrija, il-Graffiti kienu ċari fil-pożizzjoni tagħhom. “Aħna ppruvajna minn kollox – emails, artikli, protesti, konferenzi stampa – biex inġiegħlu lill-PA tirrevedi policy li l-awtoritajiet infushom jirrikonoxxu bħala dannuża, imma kien kollu għalxejn. Dan ma jħallielna l-ebda għażla oħra ħlief li nirrikorru għal aktar azzjonijiet diretti”.