Lokali

Tnejn midruba f’aggressjoni fil-Ħamrun – tnejn oħra jaħarbu mill-post

Raġel ta’ 29 sena weġġa’ ħafif u ieħor ta’ 30 sena wkoll sofra xi ġrieħi wara dik li jidher li kienet aggressjoni.

Filfatt jirriżulta li mill-post ħarbu wkoll żewġ persuni oħra, għalkemm jidher li kien wieħed biss minn dawn li kien involut direttament fl-argument. Iktar tard huma ġew identifikati mill-vittmi, li t-tnejn li huma residenti l-Ħamrun, u qed ikunu miżmuma mill-Pulizija.

Dan is-sit jinsab infurmat li kien għall-ħabta tat-15:30 li mir-residenza, li tinsab fi Sqaq il-Kubrit, instema’ għajjat u ġlied. Fil-post intbagħtet ambulanza imma wkoll preżenza qawwija ta’ Pulizija.

Ta’ min jinnota li dan il-każ seħħ fil-blokk ta’ maġenb fejn iktar kmieni dan ix-xahar il-Pulizija għamlet rejd kontra d-droga.