Lokali

Tony Drago jingħata ‘Ġieħ il-Belt’

Tony Drago, plejer professjonali tal-isnooker illi ġab lejn pajjizna numru ta’ unuri internazzjonali, ingħata l-premju Ġieħ il-Belt; premju li jingħata  kull sena mill-Kunsill Lokali tal-Belt… propju f’Jum il-Belt Valletta.

F’din l-attività, fil-presenza ta’ numru ta’ għaqdiet Beltin,  diversi persuni oħra li għamlu unur ingħataw wkoll rikonoxximent – unur fl-isport, fil-mużika, fil-kultura u fil-kummerċ. 

Tul is-serata s-Sindku tal-Belt Valletta Christian Micallef tkellem dwar l-importanza li l-kapitali, tibqa’ wkoll tal-Beltin, fejn fost oħrajn appella lill-awtoritajiet konċernati biex jisimgħu l-karba tar-residenti tal-Belt. Christian Micallef qal li l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta se jibqa’ jagħel dmiru biex jaċċerta li l-isfidi tal-Beltin jiġu affaċjati.

Intant fis-serata indaqq ukoll għall-ewwel darba l-innu tal-Belt Valletta li jġib l-isem ta’ “Sliem Belt Valletta”, kliem ta’ Hector Bruno u mużika ta’ George Curmi l-Pusè.

Il-karriera ta’ Tony Drago

Drago twieled fit-22 ta’ Settembru tal-1965 fil-Belt Valletta. Hu għamel isem għalih innifsu fis-snooker meta sar l-ewwel plejer Malti professjonali f’dan l-isport u mar jgħix fl-Ingilterra.

Il-veloċità fil-logħob ta’ Drago wassluh biex kien imlaqqam “The Tornado”. Fl-1996 għamel Century Break fi tliet minuti u nofs kontra John Higgins fil-Kampjonat tar-Renju Unit, filwaqt li fl-1990 fl-istess kampjonat, kellu l-iktar logħba mirbuħa veloċi fuq 17-il frame meta ħareġ rebbieħ f’79 minuta.

Fl-1998 hu wasal sal-ogħla post meta kien fl-għaxar post fir-rankings tad-dinja u erba’ snin wara għamel il-massimu ta’ 147 punt fil-Kampjonat tad-Dinja.

Fost is-suċċessi li kiseb fil-karriera, fl-1996 Drago rebaħ il-Masters taċ-Ċina wara li għeleb lill-plejer ieħor leġġendarju Steve Davies u sena wara kien tilef il-finali tal-International Open tal-World Snooker kontra Stephen Hendry.

Il-plejer Malti għamel diversi snin mal-aqwa 64 tad-Dinja iżda fl-2008 ħareġ mit-Tour tal-World Snooker wara perjodu diffiċli. Hu kien determinat li jerġa’ jidħol u għamel dan sena wara bir-rebħa tal-International Open tal-EBSA li fissret garanzija ta’ sentejn oħra fit-Tour Professjonali. Hu kellu riżultati pożittivi fil-Masters ta’ Shanghai, fil-Grand Prix, fil-Kampjonat tar-Renju Unit u l-Open ta’ Wales.

Drago kien ukoll jilgħab il-Pool u fl-2003 kien rebaħ il-World Masters. Fl-2007 u fl-2008, hu saħansitra rebaħ darbtejn il-Mosconi Cup u fl-2008 rebaħ ukoll il-Predator International 10-ball Championship.

Matul dan iż-żmien, Tony Drago kien jinżel Malta regolarment u jipparteċipa fir-ranking tournaments li jsiru f’pajjiżna. Drago rebaħ ukoll darbtejn l-Isportiv tas-Sena. Illum Drago hu rtirat u reġa’ qed jgħix fil-Belt Valletta iżda xorta għadu jikkompeti f’diversi kompetizzjonijiet tas-Snooker kif ukoll fil-Pool barra minn Malta.