Lokali

Rebħa oħra fil-ġlieda biex it-tliet sptarijiet jingħataw lura f’idejn il-poplu

“Bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-lum l-poplu ħareġ rebbieħ fil-kawża biex nerġgħu nġibu lura t-tliet sptarijiet li l-Gvern ta bix-xejn lil min qatt ma kellu esperjenza fis-settur tas-saħħa.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika bit-tema Flimkien għal Pajjiżna fix-Xagħra f’Għawdex.

Adrian Delia qal li l-Qorti tal-Appell ċaħdet it-tattiċi ta’ dewmien tal-Prim Ministru u tal-Avukat Ġenerali biex jippruvaw idewmu l-kawża biex l-istess Qorti tannulla l-ftehim li bih tliet sptarijiet, fosthom l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex, ingħataw lil Vitals li ma kellhom l-ebda esperjenza u li telqu b’€50 miljun. Huwa qal li mar il-Qorti biex l-isptarijiet, fosthom ukoll l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jirritornaw f’idejn il-Maltin u l-Għawdxin. Id-deċiżjoni tal-Gvern Soċjalista li jagħti tliet sptarijiet lil Vitals, kumpanija bla ebda esperjenza fis-settur mediku kien ‘the wrong deal‘ u dan ġie kkonfermat ukoll mill-Viċi Prim Ministru Chris Fearne meta ddeskriva l-ftehim il-ġdid ma’ Steward bħala ‘the real deal‘. 

Adrian Delia qal li s-sitwazzjoni fl-uniku sptar f’Għawdex marret lura. Dan meta l-pazjenti qed ikollhom jistennew għal sigħat sħaħ, qed jingħataw appuntamenti għal bosta xhur wara biex jarahom konsulent u oħra li qed ikunu kostretti jirrikorru fil-privat għax konxji li mhux se jinqdew fl-isptar ta’ Għawdex. Il-Kap tal-PN qal li l-Gvern Soċjalista ilu jilgħab bis-saħħa tan-nies u r-rapport tal-NAO dwar il-kuntratti tal-isptar Monte Karmeli juri biċ-ċar kif il-Gvern m’għandux pjan għas-saħħa mentali. Dan huwa t-tieni rapport tal-NAO f’inqas minn sena li juri kif il-Gvern Soċjalista ndaħal direttament sabiex ġew ingaġġati nies tal-qalba.

Il-Gvern Soċjalista qiegħed juża l-isptar Monte Karmeli biex jaqdi lil ftit tal-qalba meta nħatru CEOs bla ebda esperjenza u mingħajr meritokrazija, bl-uniku kriterju kien li kienu Sindki Laburisti. Quddiem din is-sitwazzjoni mwegħra, l-Ministru Chris Fearne bl-ammissjoni tiegħu stess qal li l-isptar Monte Karmeli mhux se jkun lest qabel l-2023, wara l-elezzjoni ġenerali. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li f’Mejju li ġej, il-poplu se jkollu quddiemu għażla ċara li jwassal messaġġ lill-Gvern li ddejjaq bil-korruzzjoni u bin-nuqqas ta’ pjan fit-tul għas-settur tas-saħħa. Huwa qal li fl-elezzjonijiet, il-poplu se jkun jista’ jibgħat il-messaġġ lill-Gvern Soċjalista li ma jistax jibqa’ jilgħab bis-saħħa taċ-ċittadini biex igawdu biss il-ftit tal-qalba, u li huma qrib ta’ Kastilja.