Lokali

AĠĠORNATA: Jinstabu bla ħajja f’għalqa fil-limiti ta’ Ħal Għaxaq

Instabu bla ħajja Maria Lourdes Bonnici ta’ 70 sena u bintha Angele ta’ 29 sena, li l-Erbgħa li għadda kienu rrappurtati nieqsa lill-Pulizija. Il-katavri taż-żewġ nisa nstabu f’għalqa fil-limiti ta’ Ħal Għaxaq.

Fi stqarrija, il-Korp tal-Pulizija qal li dwar din is-sejba qed tinterroga lil xi persuni, fosthom dawk qrib iż-żewġ nisa. Iżda l-enfażi tal-interrogazzjoni tidher li qed tintefa’ fuq Joseph Bonnici, ta’ 39 sena, iben Maria Lourdes u ħu Angele, li ammetta mal-Pulizija li wettaq dan id-delitt doppju. Jirriżulta li kien l-istess Joseph li rrapporta l-għajbien tal-qraba tiegħu.

Fil-jiem li kienu għadhom nieqsa, il-Pulizija tkellmet ma’ għadd ta’ persuni, sakemm saret magħrufa ż-żona ta’ fejn setgħu jinstabu l-omm u l-bint. Fil-fatt, tfittxija matul il-lejl wasslet għas-sejba tal-katavri kważi midfuna għalkollox fl-għalqa fi Trejqet Santu Kristu. Hemm, instab li l-omm u l-bint inqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar.

Il-Pulizija għadha qed tipprova testabilixxi x’seta’ wassal għal dan il-qtil fil-familja, anke għax qed ikun maħsub li l-omm u bintha nqatlu f’post ieħor qabel ma nġarrew għall-għalqa. Hu maħsub li l-ħofra fejn instabu tħaffret minn Joseph innifsu.

Dan l-omiċidju doppju hu l-ewwel qtil għal din is-sena. Dwaru nfetħet Inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat Caroline Farrugia, assistita minn għadd ta’ esperti. L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Ispettur Roderick Attard mill-Għassa taż-Żejtun, kif ukoll mill-Ispetturi Keith Arnaud u James Grech mill-Iskwadra tal-Omiċidji.

Sadanittant, 14-il sena ilu, ir-raġel ta’ Maria Lourdes u missier Angele ngħata sentenza ta’ 31 sena priġunerija wara li ammetta li ħames snin qabel qatel koppja ta’ ġirien. Dan il-każ kien seħħ f’Mejju 2000, bir-raġel, Paul Bonnici kien ingħata s-sentenza kważi ħames snin wara. Hu kien se jgħaddi ġuri, iżda ammetta li qatel lill-koppja Joseph u Carmela Dalli.

Qabel ma seħħ il-każ, Paul Bonnici kellu kondotta relattivament nadifa, għajr għal xi kontravenzjonijiet ta’ traffiku u għax kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar mingħajr il-liċenzja tal-Pulizija. Madankollu, jidher li argument bejn membri tal-Familja Bonnici u tal-Familja Dalli spiċċa eskala sal-livell li kien wassal għall-qtil doppju.

Mal-wasla tagħhom, il-Pulizija kienu sabu lil Paul jistennihom bis-senter u ż-żewġ skrataċ użati fid-delitt.

Tags