Futbol Sport

Effiong jagħti rebħa prezzjuża lil Balzan

(Ritratt: Domenic Aquilina)

ST. ANDREWS…………. 0 BALZAN………………….. 1

St. Andrews: M. Calleja Cremona, J. Walker (D. Debono 68’), T. Blagrove, K. Magro, A. Satariano (M. Woo Ling 78’),K. McFarlane, R. Martin (A. Friggieri 88’), J. Farrugia, L. Sciberras, M. Davis, K. Reid

Balzan: S. Mintoff, J. Grioli, N. Sljivic, E. Serrano Valero, S. Bezzina (C. de Fiori Mendes 75’), P. Fenech, U. Ljubomirac, S. Pisani, R. Correa, A. Majdevac (L. Micallef 58’), A. Effiong (S. Cipriott 90’)

Imwissija: K. McFarlane 32’, M. Davis 45+1’, J. Walker 60’, K. Reid 71’, A. Satariano 72’, L. Sciberras 85’ (S), P. Fenech 62’ (B)

Skorja: A. Effiong 87’ (B)

Referee: Alan Mario Sant

Assistenti Referees: Mitchell Scerri, Duncan Spiteri

Il-mument Plejer tal-logħba: Ricardo Correa (Balzan)

Gowl lejn it-tmiem ta’ Alfred Effiong ta rebħa prezzjuża lil Balzan li biha baqgħu jittamaw serjament li jiksbu post mal-ewwel erbgħa hekk kif illum jintlagħab il-konfront bejn Sliema Wanderers u Birkirkara.

Fuq in-naħa l-oħra, din it-telfa kompliet tikkomplika l-affarijiet għal St. Andrews hekk kif mill-aħħar għaxar logħbiet kisbu biss żewġ punti. Huma jinsabu biss ħames punti fuq Qormi filwaqt li jinsabu fil-post tal-play-off. Aktar inkwetanti hu li matul Marzu ma sabux ix-xibka fl-erba’ logħbiet li lagħbu.

St. Andrews kellhom l-ewwel ċans tal-logħba wara ħames minuti bi free-kick ta’ Joseph Farrugia li għadda barra. Kien biss fit-28 minuta li Balzan ħolqu l-ewwel opportunità serja bi kross mil-lemin lejn Alfred Effiong iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu falliet il-mira.

Seba’ minuti wara, Kevyn McFarlane falla ċans tad-deheb li jpoġġi lil St. Andrews minn fuq meta rċieva kross fil-baxx ta’ Martin Davis iżda xeħet għoli minn qagħda ideali. L-andament tal-logħba baqa’ l-istess fit-tieni taqsima u kien fis-70 minuta li Matthew Calleja Cremona salva tajjeb xutt fil-baxx ta’ Ricardo Correa.

Balzan bdew iżidu l-isforzi tagħhom u sitt minuti wara, free-kick tas-sostitut De Fiori Mendes indirizza lis-sostitut l-ieħor Lydon Micallef iżda ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi fuq il-mimduda. Calleja Cremona reġa’ spikka fit-80 minuta meta reġa’ ċaħħad lil Correa b’xutt li dawwar f’korner.

It-tim ta’ Jacques Scerri skorja l-gowl tar-rebħa tliet minuti mill-ħin regolamentari meta free-kick ieħor ta’ de Fiori Mendes din id-darba sab lil ALFRED EFFIONG li għeleb lil Matthew Calleja Cremona b’daqqa ta’ ras.