Ferrari kienu jkunu kuntenti li jispiċċaw fl-ewwel sessjoni ta’ provi liberi fil-Bahrain wara bidu diffiċli f’Melbourne iżda l-prestazzjoni fit-tieni sessjoni poġġiet lil Ferrari bl-aħjar tim sa issa din il-ġimgħa. Sebastian Vettel spiċċa 0.603s qabel Lewis Hamilton ta’ Mercedes li spiċċa t-tielet, b’Charles Leclerc 0.035s biss wara l-Ġermaniż. Iż-żewġ sewwieqa tal-Ferrari kienu l-uniċi li niżlu taħt il-minuta u 28 sekonda.
Sorpriża kien il-ħin ta’ Nico Hulkenberg fuq Renault li għamel dawra 0.112s iktar minn Valtteri Bottas biex daħal fil-ħames post qabel Max Verstappen tar-Red Bull. Mhux l-istess jista’ jingħad għal sieħbu Daniel Ricciardo li spiċċa biss fil-15-il post ftit aktar minn sekonda wara Hulkenberg. Pierre Gasly ta’ Red Bull temm 0.704s wara VerstappeN.
Kevin Magnussen għamel is-seba’ l-aħjar ħin fuq Haas qabel Lando Norris ta’ McLaren, segwiti minn Romain Grosjean fuq Haas u Daniil Kvyat fuq Toro Rosso. Sessjonijiet diżappuntanti għal Alfa Romeo u Racing Point, bis-sewwieqa ta’ Alfa Romeo aktar fil-garaxx filwaqt li dawk ta’ Racing Point kellhom problemi fil-karozza.
Intant tħabbar li l-enġinier leġġendarju Patrick Head se jirritorna ma’ Williams bħala konsulent. Williams reġgħu kienu l-agħar tim hekk kif reġgħu spiċċaw fl-aħħar żewġ postijiet.
L-ewwel għaxra li spiċċaw it-tieni sessjoni
1. Sebastian Vettel (Ferrari) 1:28.846, 2. Charles Leclerc (Ferrari) +0.035s, 3. Lewis Hamilton (Mercedes) +0.603s, 4. Valtteri Bottas (Mercedes) +0.711s, 5. Nico Hulkenberg (Renault) +0.823s, 6. Max Verstappen (Red Bull) +0.879s, 7. Kevin Magnussen (Haas) +1.154s, 8. Lando Norris (Mclaren) +1.171s, 9. Romain Grosjean (Haas) +1.222s, 10. Daniil Kvyat (Toro Rosso) +1.247s
//= $special ?>