Lokali

Għawdex għandha tkun destinazzjoni ta’ kwalità – Adrian Delia

Waqt żjara li għamel fil-lokalità tar-Rabat Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li Għawdex għandha tkun destinazzjoni ta’ kwalita. Hu qal li l-Kunsilli Lokali mmexxija mill-Partit Nazzjonalista, bħal ma hu dak tar-Rabat, jaħdmu biex jagħmlu dan.

Adrian Delia tkellem dwar ix-xogħol fejjiedi li għamel il-Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista f’din il-lokalità, li jinludu pjazez u bandli fost l-oħrajn.

Hu faħħar il-mod kif il-Kunsilliera Nazzjonalisti kienu kapaċi jżommu kuntatt b’saħħtu mar-residenti u mal-komunità kummerċjali għall-ġid tal-lokalità kollha

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-isfidi ta’ din il-lokalità, fosthom it-traffiku, li l-Gvern Ċentrali naqas milli jindirizza b’detriment għar-residenti u t-turisti. Hu qal li kien hemm soluzzjonijuet u pjanijiet għal dan, iżda l-Gvern baqa’ ma aġixxiex. Dan minkejja li l-Kunsill Lokali tar-Rabat baqa’ jsus wara l-Gvern biex jieħu azzjoni.

Matul iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat minn Kunsilliera, Deputati, u Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali u tal-Parlament Ewropew.