Futbol Sport

Gudja jersqu iktar viċin il-Premier … rebħa għal Naxxar u draw bejn Swieqi u Lija

(Ritratt: Joseph Galea)

GUDJA U. ………………….. 3 ŻEJTUN C. ………………… 2

Gudja: J. Debono, J. Bondin, M. Attard, J. Lima Siqueira, A. Mizzi, S. Diacono (D. Santos Da Hora 85’), L.J. Schembri, J. Farrugia, L. Cremona, A. Marshall (E. Vella 71’), R. Kooh Sohna

Żejtun: G. Zammit (D. Zarb 71’), C. Giordemaina, A. Smeir (A. Carabott 56’), G. Sultana, J. Castano, D. Albanese, J. De Fex Rafael, B. Farrugia, N. Tabone, R. Spiteri, A. Farrugia

Referee: Philip Farrugia

Gudja United għamlu pass ieħor lejn il-promozzjoni fil-Kampjonat Premier b’rebħa importanti f’logħba drammatika fid-derby kontra Żejtun.

Gudja marru fil-vantaġġ fl-44 minuta meta LLYWELYN CREMONA bidel il-ballun ma’ Jackson Lima u minn qagħda ideali spara fis-saqaf ta’ fuq tax-xibka. Minuta wara Gudja viċin it-tieni gowl b’xutt ta’ Aboulezz salvat b’diffikulta minn Zammit.

Mas-siegħa logħob opportunità għal Aboulezz iżda dan kien imwaqqaf minn intervent tajjeb tal-gowlkiper Zammit u seba’ minuti wara Zammit salva b’siequ xutt ta’ Jackson Lima.

Kien il-preludju tal-gowl li wasal fid-69 minuta meta minn azzjoni ta’ korner kien ADOLPHUS MARSHALL li bir-ras antiċipa l-ħarġa ta’ Zammit, iżda f’din l-azzjoni kemm Marshall kif ukoll Zammit weġġgħu u kellhom jinbidlu.

Fl-74 minuta Castano kien miġbud fil-kaxxa u mill-11-il metru l-istess CASTANO ma żbaljax. Żejtun issa bdew jemmnu li jistgħu jsalvaw il-logħba u fl-84 minuta kisbu d-draw b’daqqa ta’ ras stupenda ta’ JOHAN CASTANO fuq kross ta’ Rafael De Fex.

Iżda l-ferħ taż-Żwieten dam biss żewġ minuti għaliex minn azzjoni ta’ free-kick ix-xutt ta’ Bondin wasal għand is-sostitut SANTOS DA HORA li kien għadu kif daħal u dan kompla għal ġewwa mill-viċin.

Naxxar iħarrxu l-isfida għat-tielet post

MQABBA …………….. 1 NAXXAR L. …………. 3

Mqabba: F. Tabone, L. Farrugia (F. Gusman 67’), N. Micallef, R. Da Silva Gomes, D. Micallef, G. Micallef, A. Ferreira, B. Grech (C. Cutajar 86’), W. Borg, D. Azzopardi, L. Suma (J.C. Martins 46’)

Naxxar L: O. Borg, M. Fenech, M. Mifsud, E. Cerqueira Farias, J. Debono, R. Cassar, J. Ellul, A. Buhagiar, S. Nanapere, B. Essel, S. Meilak

Referee: Andrea Sciriha

F’logħba mill-iktar sabiħa u interessanti Naxxar għelbu lil Mqabba b’żewġ gowls lejn it-tmiem biex komplew bl-isfida tagħhom għat-tielet post.Bidu tajjeb ta’ Naxxar li wara kwarta marru meritatament minn fuq b’daqqa ta’ ras ta’ JOEL ELLUL fuq kross ta’ Debono. Risposta minuta wara minn naħa ta’ Mqabba b’rovexxjata ta’ Micallef tmur ftit barra.

Naxxar baqgħu aħjar u Jurgen Debono falla ċans tajjeb fl-20 minuta minn quddiem il-lasta u fit-33 minuta kien il-gowlkiper Tabone li wettaq save brillanti fuq xutt ta’ Mark Fenech. Fl-aħħar battuti tat-taqsima kien Cerqueira li ra x-xutt mill-viċin tiegħu salvat minn Tabone.

Fit-tieni taqsima Mqabba ħarġu aħjar u xutt ta’ Ferreira għadda ftit barra. Fil-55 minuta Tabone reġa’ salva lil Mqabba fuq xutt mill-viċin ta’ Nanapere u għaxar minuti wara azzjoni mill-isbaħ ta’ Mqabba u xutt finali ta’ Dylan Micallef, li kien salvat bi bravura minn Omar Borg.

Fit-68 minuta Mqabba kisbu l-gowl tad-draw b’azzjoni oħra tajba u xutt bomba minn qagħda angolata ta’ GIANFRANCO MICALLEF bil-ballun fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.

Mqabba komplew jinsistu iżda fit-80 minuta Naxxar marru minn fuq meta s-sostitut ta’ Mqabba Gusman tilef il-ballun fil-kaxxa tiegħu, ħataf il-ballun Nanapere li kompla lejn CERQUEIRA FARIAS li minn żewġ passi bogħod spara fix-xibka.

Fid-89 minuta Omar Borg salva r-rebħa ta’ Naxxar b’intervent mill-aqwa fuq daqqa ta’ ras ta’ Martins. Iżda minuta wara Naxxar għalqu l-logħba b’azzjoni mill-isbaħ bil-pass finali ta’ Mead Mifsud lejn CERQUEIRA FARIAS li skorja b’xutt fil-baxx.

Tmien gowls u spettaklu mill-bidu sat-tmiem

SWIEQI UNITED ………… 4 LIJA ATHLETIC ……………… 4

Swieqi: J.C. Debattista, J. Cassar, K. Muscat, K. Sultana, L. Covic (H. Hansberg 88’), K. Olowoyo (I.A. Margarit 46’), S. Ibrahim, M. Farrugia, S. Bugeja, L. Scicluna, S. Grech (K. Ekezie 75’)

Lija: R. Marmara, L. Muscat (M. Borg Bartolo 77’), D. Scerri, E. Beu, A. Azzopardi (G. Borg 79’), A. Borg (A. Galea 85’), I. Borg, D. Mintoff, C. Gauci, K. Kuroki, O. Sidibe

Referee: Ezekiel Barbara

Swieqi u Lija qasmu tmien gowls bejniethom f’logħba mill-iktar emozzjonanti u spettakolari, bir-riżultat aħħari jkun l-iktar wieħed ġust. Fit-22 minuta Lija fetħu l-iskor, gowl mill-isbaħ skorjat b’rovexxjata spettakolari ta’ ERJON BEU fuq kross mil-lemin ta’ Andrea Azzopardi.

Tliet minuti wara Swieqi kisbu d-draw b’azzjoni ta’ Covic fuq il-lemin u kross lejn SALIS IBRAHIM li bir-ras mill-viċin ma żbaljax. Il-logħba kienet mill-isbaħ b’ħafna logħob veloċi u Lija resqu ferm qrib b’xuttijiet ta’ Beu u Azzopardi.

Fis-36 minuta daqqa ta’ ras ta’ Sidibe destinata għal ġewwa kienet salvata minn fuq il-linja minn Jackson Cassar u minuta wara kien Mintoff li għamel l-impossibbli u xeħet għoli minn żewġ passi bogħod.

Minuta mill-intervall Lija mill-ġdid fil-vantaġġ b’gowl ieħor spettakolari, din id-darba ta’ ANDREA AZZOPARDI li b’xutt mil-ewwel bid-dawra skorja gowl tal-istampi.

Fit-53 minuta Swieqi sfortunati meta xutt ta’ Covic stampa mal-mimduda. Erba’ minuti wara fawl ta’ Sultana fuq Beu fil-kaxxa u mill-11-il metru l-istess BEU ma falliex. Fit-62 minuta gowl ieħor tal-istampi minn ION ALIN MARGARIT li dar ma’ żewġ plejers u minn 30 metru venven xutt li spiċċa fix-xibka.

Fis-76 minuta s-sostitut Ekezie fl-ewwel ballun li mess twaqqa’ fil-kaxxa minn Sidibe u mill-penalty SALIS IBRAHIM ma żbaljax. Iżda erba’ minuti wara Lija mill-ġdid fil-vantaġġ meta f’azzjoni konfuża fil-kaxxa ta’ Swieqi kien CLIFFORD GAUCI li skorja b’xutt fil-baxx minn pożizzjoni kważi mpossibli.

Fit-93 minuta bl-aħħar xutt tal-logħba Swieqi kisbu l-gowl tad-draw meta minn azzjoni ta’ korner kien SHAUN BUGEJA li spara fix-xibka.