Formula 1 Sport

Leclerc isir it-tieni l-iżgħar sewwieq fil-Formula 1 li kiseb pole position

(Ritratt: EPA)

Charles Leclerc sar it-tieni l-iżgħar sewwieq li kiseb l-ewwel pole position fil-karriera tiegħu wara li għamel l-aħjar ħin fil-provi uffiċjali għall-Grand Prix tal-Bahrain. Hu għeleb l-isfida ta’ sieħbu tal-Ferrari Sebastian Vettel li spiċċa t-tieni qabel il-koppja tal-Mercedes magħmula minn Lewis Hamilton u Valtteri Bottas. B’hekk l-ewwel filliera se tkun tal-Ferrari wara li f’Melbourne ġimagħtejn kienu l-koppja ta’ Mercedes li għamlu l-aħjar żewġ ħinijiet.

Max Verstappen għamel il-ħames l-aħjar ħin fuq Red Bull iżda kien distakkat b’kważi sekonda minn Leclerc, b’Kevin Magnussen ikompli jikkonferma l-progress ta’ Haas hekk kif se jibda mis-sitt post.

Riżultat pożittiv għal McLaren hekk kif Carlos Sainz se jibda mis-seba’ post filwaqt li ż-żagħżugħ Lando Norris spiċċa fl-għaxar post. Romain Grosjean spiċċa fit-tmien post fuq it-tieni karozza Haas segwit minn Kimi Raikkonen fuq Alfa Romeo.

Diżappunt għal Renault b’Daniel Ricciardo u Nico Hulkenberg jispiċċaw fil-11 u s-17-il post filwaqt li l-Franċiż Pierre Gasly reġa’ naqas li jħalli impatt fuq Red Bull bit-13 l-aħjar ħin. Il-koppja tal-Williams reġgħet spiċċat fl-aħħar żewġ postijiet.

Kif se jibdew il-Grand Prix

1. Charles Leclerc (Ferrari) 1:27.866, 2. Sebastian Vettel (Ferrari) 1:28.160, 3. Lewis Hamilton (Mercedes) 1:28.190, 4. Valtteri Bottas (Mercedes) 1:28.256, 5. Max Verstappen (Red Bull) 1:28.752, 6. Kevin Magnussen (Haas) 1:28.757, 7. Carlos Sainz (Mclaren) 1:28.813, 8. Romain Grosjean (Haas) 1:29.015, 9. Kimi Räikkönen (Alfa Romeo) 1:29.022, 10. Lando Norris (Mclaren) 1:29.043

Eliminati fit-tieni fażi

11. Daniel Ricciardo (Renault) 1:29.488, 12. Alexander Albon (Toro Rosso) 1:29.513, 13. Pierre Gasly (Red Bull) 1:29.526, 14. Sergio Perez (Racing Point) 1:29.756, 15. Daniil Kvyat (Toro Rosso) 1:29.854

Eliminati fl-ewwel fażi

16. Antonio Giovinazzi (Alfa Romeo) 1:30.026, 17. Nico Hulkenberg (Renault) 1:30.034, 18. Lance Stroll (Racing Point) 1:30.217, 19. George Russell (Williams) 1:31.759, 20. Robert Kubica (Williams) 1:31.799