Lokali

Malta se tiċċelebra Jum il-Ħelsien taħt il-Ħakma tal-Ispekulaturi – Moviment Graffiti

Filwaqt li pajjiżna għada se jkun qed ifakkar il-Ħelsien tiegħu mill-ħakma kolonjali Ingliża, dan il-jum se jkun qed jiġi ċċelebrat taħt il-ħakma tal-ispekulaturi li qed jisfruttaw lill-pajjiżna għall-gwadann ta’ ftit nies, hekk stqarew il-Moviment Graffiti li llum is-Sibt 30 ta’ Marzu, jinsabu fit-tielet jum tagħhom fil-kamp Assedju PA fejn qegħdin simbolikament jassedjaw lill-Awtorità għall-Ippjanar li qed tassedja lill-pajjiżna bi żvilupp bla rażan li qed jgħarraq il-kwalità tal-ħajja tagħna u jikkomprometti l-futur tagħna fuq din il-gżira.

Għal għexieren ta’ snin, il-klassi ta’ negozjanti kbar akkumulat poter spropozjonat f’pajjizna, bir-riżultat li l-politika spiċċat skjava li takkomoda lil din il-klassi.

Il-policy dwar il-pompi tal-petrol hija eżempju ċar ta’ dan kollu. L-awtoritajiet stess ammettew li din il-Policy qed tagħmel ħsara kbira, peress li tippermetti pompi tal-petrol ta’ 3,000m² f’ODZ fuq art naturali u agrikola, u baqgħet ma ġietx mibdula. Huwa għalhekk li qed jibqgħu jiġu ppreżentati applikazzjonijet taħt din il-policy difettuża. Preżentament hemm 14-il applikazzjoni għal pompi tal-petrol fuq art ODZ, b’erbgħa minnhom diġà approvati, u oħrajn li għadhom jiġu pproċessati. Flimkien, dawn ikopru biċċa art kbira li fiha daqs ħames darbiet il-Fosos tal-Furjana.

Il-policy dwar il-pompi tal-petrol hija sintomatika ta’ problema ħafna ikbar u profonda. Il-lista ta’ żvilupp bla sens u ta’ ħsara li ġie approvat ma tispiċċa qatt; biżżejjed li nikkunsidraw l-approvazzjoni ta’ proġetti mostrużi fosthom il-progett tad-db Group fis-sit tal-ITS u l-ħruġ ta’ għexieren ta’ permessi dubjużi li jmorru kontra l-policies tal-ippjanar stess.

Il-Moviment Graffiti stqarrew li jeħtieġ li l-poplu jiġġieled b’saħħtu kollha kontra din il-ħakma min-negozjanti l-kbar u l-politikanti sħabhom, li qed tħarbat l-ambjent ta’ pajjiżna u tgħaddi bħal gaffa minn fuq l-interessi tal-maġġoranza tan-nies. Huma jittamaw li jasal il-jum meta jkunu nistgħu niċċelebraw il-ħelsien mill-ħakma tal-ispekulaturi.