Futbol Sport

Manchester City jerġgħu l-ewwel u Huddersfield relegati

(Ritratt: EPA)

Iċ-champions tal-Ingilterra Manchester City ftit sabuha diffiċli biex jieħdu t-tliet punti mill-konfront kontra Fulham fi Craven Cottage biex b’hekk fetħu bl-aħjar mod l-aktar fażi impenjattiva tal-Premier League wara li l-kampjonat kellu jieqaf għal xi jiem minħabba l-logħob internazzjonali.

Sadanittant, Huddersfield Town spiċċaw relegati mill-Premier League wara li tilfu kontra Crystal Palace 2-0 f’Londra u fejn it-Terriers laħqu r-rekord tal-aktar żewġ timijiet li kienu tilfu posthom kmieni fl-ogħla diviżjoni.

Qabel dan, Derby County u Ipswich Town kienu l-uniċi timijiet fl-istorja tal-Premier League li spiċċaw relegati meta kien fadal sitt logħbiet għat-tmiem tal-kampjonat. Il-gowls ta’ Palace waslu fl-aħħar kwarta tal-konfront, b’Luka Milivojevic jiskorja penalty fis-77 minuta u b’van Aanholt jissiġilla d-destin ta’ Huddersfield minuta mit-tmiem.

Manchester City kien kmandi assoluti tal-logħba ma’ Fulham, anki jekk il-Cottagers ippruvaw jadottaw tattika avventuruża fit-tieni taqsima. Dan wara li huma kienu għalqu l-ewwel 45 minuta bi żvantaġġ ta’ żewġ gowls skorjati minn Bernardo Silva fil-ħames minuta) u Sergio Aguero fis-27 minuta.

Is-superjorità netta ta’ City baqgħet evidenti sal-aħħar u bis-Citizens, issa, jaqbżu lil Liverpool b’punt meta ż-żewġ timijiet fil-preżent lagħbu 31 ġurnata. Intant, Liverpool illum huma impenjati f’Anfield kontra Tottenham Hotspur fl-aktar konfront mistenni tal-programm.

Manchester United batew biex għelbu l-isfida ta’ Watford f’Old Trafford iżda fl-aħħarnett kisbu t-tliet punti importanti li jħalluhom jittamaw f’post mal-ewwel erba’ timijiet fil-Premier League.

Ir-rebħa kienet l-aħjar mod kif ir-Red Devils setgħu jiċċelebraw il-konferma uffiċjali ta’ Ole Gunnar Solskjaer bħala l-manager ġdid wara Josè Mourinho, iżda fil-verità huma naqsu li jimpressjonaw u kisbu l-vantaġġ kontra x-xejra tal-logħob meta fit-28 minuta Luke Shaw għadda ballun lil Marcus Rashford li avvanza u għeleb lill-gowlkiper Foster.

Minkejja dan il-gowl Watford xorta baqgħu perikolużi, iżda fit-tieni taqsima Anthony Martial irdoppja għal United fit-72 minuta mill-viċin wara taħwida fil-kaxxa biex serraħ ras il-partitarji tiegħu. Intant xorta kien fadal ħin għall-gowl tal-bandiera tal-Hornets li wasal fid-90 minuta minn Abdoulaye Doucoure.

Southampton għelbu lil Brighton and Hove Albion 1-0 fl-Amex Stadium biex issa jinsabu ħames punti ‘l fuq miż-żona l-ħamra. Intant, it-telfa fis-South Coast Derby kapaċi tfisser tmiem tal-istaġun anzjuż għas-Seagulls, bil-gowl ta’ Pierre-Emil Hojbjerg ikun biżżejjed biex jaċċerta r-rebħa prezzjuża għas-Saints.

Il-ġlieda fin-naħa t’isfel tal-klassifika kompliet tiħrax fejn Burnley ħadu spinta qawwija b’rebħa ta’ 2-0 fuq Wolves f’Turf Moor. B’din ir-rebħa l-Clarets jinsabu ħames punti vantaġġ fuq Cardiff City għalkemm huma lagħbu żewġ logħbiet aktar mill-Bluebirds.

Burnley skorjaw gowl f’kull taqsima, bl-awto-gowl ta’ Conor Coady jagħtihom il-vantaġġ wara biss żewġ minuti u bit-tieni gowl imbagħad jasal minn Dwight McNeil għaxar minuti mit-tmiem.

Leicester City kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva fil-kampjonat għall-ispejjeż ta’ Bournemouth biex komplew bil-wirjiet impressjonanti kemm ilhom taħt it-tmexxija ta’ Brendan Rodgers.

Il-Foxes marru fil-vantaġġ fil-11-il minuta mid-difensur Wes Morgan, waqt li tilfu diversi okkażjonijiet biex kabbru l-iskor sakemm fit-82 minuta Jamie Vardy reġa’ sab ix-xibka bir-ras fuq il-kross ta’ Youri Tielemans.

Everton taw waħda mill-aħjar wirjiet tagħhom f’dan l-istaġun meta għelbu lil West Ham United 2-0 fil-London Stadium. It-Toffees ħadu kmand mill-bidu bi stil ta’ logħob veloċi u aggressiv tant li fetħu vantaġġ ta’ żewġ gowls sal-mistrieħ minn Zouma fil-ħames minuta u Bernard fit-33 minuta. Fit-tieni taqsima l-Hammers ippruvaw iwettqu rimonta, iżda d-difiża ta’ Everton baqgħet ikkonċentrata sal-aħħar.

Premier League

Fulham v Man City 0-2, Brighton v Southampton 0-1, Burnley v Wolves 2-0, C. Palace v Huddersfield 2-0, Leicester v Bournemouth 2-0, Man United v Watford 2-1, West Ham v Everton 0-2,Għada: Cardiff v Chelsea 3.05pm, Liverpool v Tottenham 5.30pm,It-Tnejn: Arsenal v Newcastle 9.00pm