Knisja Kultura Lokali

Mijjiet jipparteċipaw fil-pellegrinaġġ wara r-Redentur tal-Isla

Ritratt: Curia

Folol kbar il-Ġimgħa ħadu sehem fil-pellegrinaġġ wara l-istatwa devota ta’ Kristu Redentur fit-toroq tal-Isla – pellegrinaġġ li kien immexxi mill-Arċisqof Charles J Scicluna.

Dan il-pellegrinaġġ jagħmel parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Knisja ta’ żmien ir-Randan bi preparament għall-akbar festa tal-Knisja Kattolika, u jiġbed bosta devoti minn kull raħal f’ Malta.

Ritratt: Curia

L-istatwa tar-Redentur, li tant hi għal qalb ħafna nsara Maltin, kienet reġgħet ġiet inawgurata bħal daż-żmien sena wara perjodu ta’ studji xjentifiċi u restawr li damu tlett snin. Tul ir-restawr sar magħruf li l-istatwa tmur lura tal-anqas sa nofs is-seklu 19. Instab ukoll li l-istatwa hi komposta minn bosta materjali bħas-sufra fil-bażi, l-anima tal-injam, il-wiċċ, l-idejn u s-saqajn tal-kartapesta.  Dan fisser proċess itwal u iktar ikkumplikat għar-restawr.

Tul il-pellegrinaġġ tal-bieraħ, ir-reffiegħa mxew bl-istatwa madwar it-toroq tal-Isla, bid-devoti jipparteċipaw fit-talb immexxi mill-Arċisqof.

Fi tmiem il-pellegrinaġġ, l-Arċisqof iċċelebra quddiesa fil‑knisja parrokkjali fejn fl-omelija appella sabiex l-insara ma jitbegħdux mill-qrar. Hu qal li l-qrar jagtħi ferħ u paċi li xejn u ħadd iktar ma jista jagħtik f’din id-dinja, u saħaq li min jiftaħ il-bieb tal-ħelsien permezz tal-qrar għandu jipparteċipa fit-tqarbin, fejn il-Mulej jagħti lilu nnifsu lilna.

Ritratt: Joseph Galea