Lokali

Nature Trust-FEE Malta tappoġġja bis-sħiħ id-dimostrazzjoni li għaddejja minn Moviment Graffitti

Nature Trust – FEE Malta qalet li qed toppoġġja bis-sħiħ id-dimostrazzjoni li għaddejja bħalissa minn Moviment Graffitti biex titqajjem kuxjenza dwar il-proċess twil ħalli tbiddel il-politika dwar il-pompi tal-petrol.

L-għaqda qalet li dan hu importanti fid-dawl tal-pass kontinwu biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-petrol u tat-titjib li ilu għaddej f’pompi eżistenti biex jitnaqqsu l-emmissjonijiet ambjentali.

Dawn il-passi jillimitaw, jekk mhux jeliminaw, il-ħtieġa ta’ rilokazzjoni ta’ pompi tal-petrol eżistenti jew bini ta’ oħrajn ġodda.

L-għaqda ssuġġeriet, kif għamlet f’okkażjonijiet fil-passat iżda s’issa ġiet injorata, li art agrikola abbandunata għal żmien twil għandha tiġi offruta lill-pubbliku b’kera minima biex ikabbru l-prodotti tagħhom.

Barra minhekk, qalet li temmen li minħabba li Malta miexja malajr lejn użu ta’ karozzi elettriċi, bil-projbizzjoni tal-vetturi kollha tal-petrol u tad-diesel, ma jkunx sostenibbli li jingħataw aktar permessi għall-pompi tal-petrol.

Minflok, enfasizzat il-ħtieġa li l-awtoritajiet kollha jiġbdu ħabel wieħed jekk il-Gvern preżenti jemmen verament fl-iżvilupp sostenibbli.