Sport Waterpolo

San Ġiljan jirbħu bla tbatija u Valletta jegħlbu lil Exiles f’logħba missielta

(Ritratt: Joseph Galea)
Marsaskala jirbħu fl-Ewwel Diviżjoni

San Ġiljan TUM Invest ftit sabu diffikultà biex għelbu lil Sliema Frank Salt 12-7. Il-kowċ Slimiż Sergio Afric kellu skwadra qasira għall-partita oħra bin-nuqqas ta’ Jerome Gabarretta u Mark Meli flimkien maż-żgħażagħ li jinsabu b’self.

Dan il-fatt għamilha faċli għal San Ġiljan biex jikkontrollaw il-logħba skont il-pass tagħhom, b’Sliema jippruvaw biss jillimitaw id-danni. Il-Ġiljaniżi rebħu l-ewwel sessjoni 4-1, b’Michael Spiteri Staines jiskorja bejn il-gowls tal-avversarji.

Ben Plumpton u Tristan Said għamlu l-iskor 6-1 fit-tieni sessjoni, b’Michael Cordina jnaqqas id-distakk. Fit-tielet sessjoni reġgħu kienu San Ġiljan li din id-darba skorjaw tliet darbiet konsekuttivi b’Zach Mizzi jagħmel l-iskor 9-3. L-aħħar sessjoni kienet formalità, b’Sliema jirnexxielhom jagħmlu l-iskor ftit rispettabbli.

Valletta Videoslots irnexxielhom ukoll jiksbu t-tieni rebħa konsekuttiva b’rebħa missielta ta’ 8-7 fuq Exiles Elia Caterers. Il-Beltin tjiebu mal-ħin u għalkemm ma għalqux il-logħba spiċċaw rebbieħa xorta, b’Exiles jonqsu li jibnu il-bidu tajjeb li kellhom.

Exiles rebħu l-ewwel sessjoni 1-0 b’gowl ta’ Aurelien Cousin wara li d-difiża Beltija nqabdet bi plejer anqas minħabba li Peter Borg ma laħaqx iddefenda fil-ħin. Valletta naqsu li jkunu effettivi fl-attakk u l-konklużjonijiet tagħhom ftit kienu perikolużi.

Valletta tjiebu fit-tieni sessjoni u ġabu d-draw tliet darbiet sakemm Timmy Sullivan ħalla lil Exiles minn fuq fi tmiem it-tieni sessjoni. Iżda t-tim ta’ Bogdan Rath ħareġ ferm aħjar wara l-mistrieħ u b’gowl ta’ Michele Mifsud u Miguel Zammit, Valletta marru 6-4 minn fuq. Kurt Griscti żamm lil Exiles jittamaw b’gowl lejn tmiem is-sessjoni.

Griscti saħansitra ġab id-draw iżda Zammit u Mifsud reġgħu taw vantaġġ doppju lil Valletta, b’Exiles jagħfsu fl-aħħar minuti biex isalvaw il-logħba. Aurelien Cousin skorja ġmiel ta’ gowl biex ħalla l-logħba inċerta sal-aħħar iżda Valletta assorbew l-aħħar attakki.

Intant mill-Ewwel Diviżjoni Marsaskala Fish and Fish komplew jibnu fuq il-prestazzjoni tal-ġimgħa l-oħra kontra Marsaxlokk, b’rebħa ta’ 9-6 fuq Birżebbuġa Freeport. Huma aċċertaw mir-rebħa fl-aħħar minuta b’żewġ gowls.

Birżebbuġa kienu rkupraw minn żewġ gowls li sofrew kmieni u kienu darbtejn żewġ gowls minn fuq. Kyle Navarro naqqas id-distakk għal gowl lejn tmiem it-tielet sessjoni, bit-tim ta’ Dorian Pisani jiskorja erba’ gowls konsekuttivi fl-aħħar sessjoni.

SAN ĠILJAN TUM INVEST…. 12 SLIEMA FRANK SALT…………. 7

(4-1), (2-1), (3-1), (3-4)

San Ġiljan: J. Tanti, K. Magri, A. Galea (2), B. Grech, K. Dowling (1), M. Zammit (1), B. Plumpton (3), C. Farrugia, T. Said (2), Da. Zammit, P. Fava, Di. Zammit (2), T. Micallef, M. Ortoleva (1)

Sliema: J. Sammut, A. Mifsud, D. Rizzo, J. Sciberras, B. Zammit, M. Spiteri Staines (1), M. Cordina (2), M. Muscat, Z. Mizzi (3), N. Bugelli (1), M. Vassallo

Referees: Stefan Licari, Mario Dalli

VALLETTA VIDEOSLOTS….. 8 EXILES ELIA CATERERS…… 7

(0-1), (3-3), (3-1), (2-2)

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines, A. Agius, P. Borg, C. Zammit, R. Mock (1), D. Paolella, M. Mifsud (2), N. Farrugia, M. Zammit (5), M. Lanzon, L. Gialanze, A. Bianchi

Exiles: M. Castillo, C. Von Brockdorf, A. Magri, M. Stellini (1), T. Sullivan (2), S. Xerri de Caro, M. Fenech, K. Griscti (2), N. Paris, A. Cousin (2), B. Lanzon, P. Paris, S. Apap, M. Martin

Referees: Peter Balzan, Ronnie Spiteri

L-EWWEL DIVIŻJONI

BIRŻEBBUĠA FREEPORT………….. 6 MARSASKALA FISH AND FISH….. 9

(0-2), (3-1), (3-2), (0-4)

Birżebbuġa: D. Spiteri, Z. Farrugia Seychell, N. Cassar, D. Pace Lupi (3), C. Mifsud (1), R. Spiteri, S. Vassallo (2), D. Cutajar, J. Bajada, M. Cutajar, M. Borg, L. Borg, J. Cremona

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli (1), M. Manara, M. Aquilina (4), L. Grixti, K. Navarro (2), L. Felice, A. Vella, J. Culic (1), R. Attard, D. Borg Millo (1), M. Borg

Referees: Stefan Licari, Massimo Angileri