Lokali

Żewġ minorenni akkużati bil-ħtif tal-vapur El Hiblu 1

Għandhom biss 15, 16 u 19-il sena it-tliet immigranti li tressqu l-qorti dalgħodu akkużati bil-ħtif tal-bastiment El Hiblu 1 iktar kmieni din il-ġimgħa.

Il-ħtif seħħ ftit tas-sigħat wara li l-Kaptan tal-istess bastiment kien salva 108 immigrant madwar 6 mili ‘l barra mill-kosta Libjana. Il-Forzi Armati ta’ Malta kmieni l-Ħamis filgħodu telgħu abbord il-vapur u ħadu lura l-kontroll minn idejn l-immigranti.

It-tlett irġiel jinsabu akkużati li ħatfu l-vapur bl-użu ta’ theddid, forza u intimidazzjoni. It-tlieta wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom u talbu l-ħelsien mill-arrest.

Madankollu l-maġistrat Donatella Frendo Dimech caħdet din it-talba fid-dawl li għad iridu jidhru aktar xhieda fil-każ u anke għall-fatt li t-tlett akkużati m’għandhomx il-mezzi biex iħallsu d-depożitu mitlub mill-qorti bħala garanzija fuq il-ħelsien tagħhom.

Il-maġistrat ordnat li ż-żewġ minuri jinżammu taħt il-kura tal-istat u li jsir dak kollu li jeħtieġ għas-sigurtà tagħhom. L-ismijiet tagħhom ma jistgħux jixxandru fuq ordni tal-Qorti.

Tnejn mill-akkużati huma mill-Guinea u l-ieħor mil-Kosta t’Avorju.

Il-ħtif ta’ bastiment huwa meqjus bħala att terroristiku u jġib miegħu sentenza ta’ bejn 7 u 30 sena ħabs.

Għall-akkużati dehru l-avukati Cedric Mifsud, Gianluca Cappitta u Neil Falzon filwaqt li l-ispetturi Omar Zammit u Christa Armeni mexxew il-prosekuzzjoni.