Lokali

Liġi biex jinqata’ ċ-ċajt tal-1 t’April fil-media

Se tkun qed tittieħed azzjoni mill-pulizija

Il-Gvern mhux se jittollera iżjed ċajt ta’ l-ewwel t’April. Dan stqarrewh diversi sorsi mit-taqsima tal-investigazzjonijiet kriminali, bil-Pulizija jikkonfermawlna illi intalbu mill-Ministru responsabbli biex jibdew jieħdu passi fejn jidħol ċajt goff u eċċessiv li soltu jsir fl-ewwel t’April.

Jidher li fost l-iktar stejjer riċenti li wasslu biex il-Gvern jieħu din id-deċiżjoni drastika, kien hemm ir-rapport li d-Dipartiment tal-Protezzjni Ċivili għamel mal-Pulizija wara storja fuq is-sit satiriku Bis-Serjetà – Serjetà Biss. Storja li fiha saħansitra ġew attribwiti kummenti tad-direttur tas-CPD iżda li hu qatt ma kien għamel.

Il-miżura drastika hi wkoll parti minn pjan ikbar tal-Gvern li qed jipprova jikkontrolla l-fake news wara sensiela ta’ artikli li tagħhom sfaw fil-mira personaġġi lokali popolari kif ukoll il-Gvern stess.

Il-multi se jigu diskussi mill-Kabinett din il-gimgha stess, izda l-ahbar xejn mhi tinżel tajjeb man-nies.

Il-Pulizija qalulna li fil-passat kellhom każijiet fejn persuni weġġgħu jew inqala’ l-ġlied propju minħabba dan iċ-ċajt, u iżjed gravi meta s-sors taċ-ċajta tkun xi gazzetta li s-sena kollha tagħti l-aħbarijiet u f’daqqa waħda toħroġ fake news.

Staqsejna wkoll x’tip ta passi se tieħu l-pulizija, fuq min jiccajta, u jekk din id-deċiżjoni tfissirx li se jkollhom jinbidlu xi liġijiet.

Jidher li l-Pulizija se tapplika l-istess liġijiet bhal meta tigdeb fuq xi ħadd u jagħmlulek libell, jew tresqek il-pulizija b’malafama. L-istess se jiġri issa. Jekk per eżempju xi ħadd jagħmel xi ċajta tal-ewwel t’April li se jsir attakk terroristiku u ma jkunx veru, allura dik tiġi theddida ta’ sigurta nazzjonali u l-pulizija se jkollha tieħu azzjoni kriminali.

Jidher li din id-deċiżjoni tal-Gvern li ma jħallix iżjed ċajt ta’ l-ewwel t’April mhux se tolqot biss lill-kmamar ta’ l-ahbarijiet, gazzetti u programmi fil-media, iżda skont is-sorsi taghna fis-CID jistghu jeħlu l-ħabs anke ċittadini komuni li jivintaw ċajta fuq facebook.